Fl-Università antika fil-Belt ġie imniedi dokument għall-konsultazzjoni rigward l-istrateġija spazjali nazzjonali ta’ pajjiżna, strateġija maħsuba sabiex twitti t-triq biex ħames snin oħra, Malta tkun f’pożizzjoni li tagħmel użu mir-riżorsi relatati mal-ispazju.
Preżenti għat-tnedija tal-istrateġija kien hemm iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pulicino Orlando, li spjega kif din l-istrateġija hija frott ta’ ħidma ta’ tliet snin, iżda l-istess kunsill beda jemmen fil-potenzjal ta’ dan is-settur għaxar snin ilu.
Iċ-Chairman tal-Malta Space Taskforce, Omar Cutajar stqarr li Malta għandha storja fejn tidħol il-ħolqien ta’ niċċeċ ekonomiċi, u din l-istrateġija se tagħmel proprju dan.
Huwa spjega li qafas legali marbut mal-ispazju, kif ġie propost fid-dokument ta’ konsultazzjoni, ma jfissirx li Malta se tibgħat in-nies fl-ispazju, iżda dan il-qafas legali huwa ferm aktar prattiku minn hekk.
Qal, “L-istrateġija ma tfissirx naturalment li se jkollna xi ambizzjonijiet li mhumiex realistiċi. L-istrateġija hija fattwalment, dokument li llum ħriġniha għall-konsultazzjoni pubblika biex nippruvaw nifhmu kif nistgħu intejbu u nsaħħu t-talent li diġà għandna f’dan is-settur, speċjalment fejn tidħol ir-riċerka.”
Il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici qal kif ftit huma d-drabi li nħarsu lejn l-ispazju bħala opportunità, iżda kif pajjiżna ra suċċess fil-qasam marittimu, kapaċi noħolqu opportunitajit ta’ ġid mill-ispazju.
Huwa sostna li b’din l-istrateġija, Malta tista’ tara aktar investimenti diretti minn kumpaniji barranin fost l-oħrajn.
Fil-fatt l-investiment dirett barrani u l-attrazzjoni tan-negozju spazjali huwa wieħed mill-ħames pilastri ta’ din l-istrateġija.
Spjega, “Naturalment l-istartups qed jaraw opportunità f’dan il-qasam, kemm lokali u kemm barranin, u dawn huma kollha oqsma li biex aħna nkunu kredibli fihom irridu naħdmu sabiex infasslu pjan sew li jagħmel sens u jassigura serjetà u dak li qed nagħmlu llum b’din l-istrateġija.”