Kors ta’ 14-il ġimgħa li huwa akkredidat mill-Università ta’ Malta qed jagħti taħriġ professjonali fil-kura tal-anzjani.
Dan il-kors qed jingħata fuq medda ta’ 7 ġimgħat ta’ teorija u 7 ġimgħat oħra ta’ prattika. Sabiex dan il-kors ikun jista’ jintlaħaq minn kulħadd, l-istudenti Għawdxin se jkunu jistgħu qed isegwu l-lezzjonijiet tat-teorija b’mod virtwali miċ-ċentru tat-taħriġ f’Għawdex.
Is-sessjonijiet ta’ prattika għall-istudenti Maltin se jsiru f’San Vinċenz De Paul, filwaqt li s-sessjonijiet ta’ prattika għall-istudenti Għawdxin se jkunu qed isiru fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-kors, il-Professur David Mifsud, miċ-Ċentru tal-Arti Liberali u x-Xjenza fl-Università ta’ Malta qal li f’dawn l-aħħar ħames snin, aktar minn erba’ mitt student lestew dan il-kors.
Il-Professur Mifsud stqarr, “S’issa għaddew iktar minn erba’ mitt student diġà u qegħdin nistennew illi din is-sena jkollna madwar mitt student ieħor.”
L-infermier Chris Micallef spjega kif wieħed jista’ japplika għal dan il-kors jekk ikun lesta l-edukazzjoni obbligatorja fost oħrajn.
Micallef saħaq, “Dan il-kors iwasslek biex taħdem mhux biss mal-anzjani u mhux biss ġewwa St Vincent De Paule, jiġifieri tista’ taħdem Mater Dei, Mount Carmel, fil-homes, fil-health centres. Jiġifieri hija opportunità, job garantit li fl-aħħar mill-aħħar huwa ta’ sodisfazzjon kbir, huwa ta’ servizz għall-anzjani tagħna.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paule Josianne Cutajar irrimarkat li f’dawn l-aħħar snin saru diversi investimenti fl-isptar iżda però l-akbar investiment huwa li aktar ħaddiema jkunu professjonali sabiex jagħtu l-aqwa servizz lill-anzjani.
Dan sostnieh ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Silvio Parnis.
“Karriera li tkun qed tgħin l-anzjani tagħna. L-anzjani tagħna f’pajjiżna dejjem qegħdin jikbru u hemm bżonn, iva illi nkomplu nsaħħu s-servizz, is-servizz f’pajjiżna huwa b’saħħtu u tajjeb fil-qasam tal-anzjani.” Stqarr is-Segretarju Parlamentari Parnis.
Wieħed jista’ japplika għal dan il-kors fuq is-sit www.activeageing.gov.mt, bl-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-għoxrin ta’ Awwissu.