B’temperatura aktar sħuna bosta persuna ħatfu din l-opportunità u rħewlha lejn l-eqreb bajja sabiex iqattgħu l-jum tal-Ħadd jilgħaqu x-xemx u jċafċfu fil-baħar.
Minkejja li għad fadal ftit ġimgħat mhux ħażin sakemm jasal is-sajf, dan ma waqqafx lil bosta turisti u Maltin milli jaqbżu qabża l-baħar u jgawdu dan il-jum xemxi b’bosta minnhom ixerrdu ritratti sbieħ fuq pjattaformi bħal Instagram u Facebook. Skont is-sit li jbassar it-temp FirstMalta, is-sħana mistennija tippersisti wkoll matul il-ġranet li ġejjin bit-temperaturi mistennija jilħqu saħansitra sa’ 23C nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Marzu.
Dan minħabba li massa ta’ sħana li oriġinat minn fuq il-kontinent Afrikan, irnexxiela tinvadi l-Mediterran u saħansitra keċċiet il-kesħa kbira li niżlet fuq l-Italja fil-ġranet li għaddew. Malta tidher li se tkun affettwata sew mis-sħana.
It-temperaturi għall-ġranet li ġejjin se jkunu hekk:
It-Tnejn 12 ta’ Marzu, l-ogħla 20C, UV6
It-Tlieta 13 ta’ Marzu, l-ogħla 17C, UV5
L-Erbgħa 14 ta’ Marzu, l-ogħla 18C, UV5
Il-Ħamis 15 ta’ Marzu, l-ogħla 19C, UV5
Il-Ġimgħa 16 ta’ Marzu l-ogħla 23C, UV5