Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li ħarġet it-tender għax-xogħlijiet fi Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat, Għawdex. Hija qalet li din is-sejħa saret wara li tfassal il-proġett li kien mertu ta’ diskussjoni u kollaborazzjoni sħiħa mal-kunsill lokali Ta’ Sannat.
Dan il-proġett issa ser jikkumplimenta Proġett Għawdex li ġie mniedi f’Diċembru li għadda u li apparti t-toroq qed jindirizza wkoll il-pjazez fil-lokalitajiet Għawdxin. Fil-fatt, f’temp ta’ ftit ġimgħat din hija t-tielet sejħa għall-offerti għal tliet pjazez differenti jiġifieri dik tax-Xewkija, Pjazza San Franġisk fir-Rabat u issa Pjazza Santa Margerita. Dawn huma proġetti ħolistici li permezz tagħhom mhux biss ser issir riġenerazzjoni sħiħa tal-pjazez iżda ser ikunu proġetti ħolistiċi fejn ser tingħata attenzjoni lil kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħna fejn qed tkun garantita l-aċċessbilità, immaniġjar aħjar tat-traffiku u spazji miftuħa li jistgħu jitgawdew u b’hekk ikollna qabża fil-kwalità fl-infrastruttura f’Għawdex.Il-Ministru Justyne Caruana qalet ukoll li flimkien mal-Pjazza Santa Margerita hemm ukoll it-tkomplija tat-triq ewlenija li mill-Belt Victoria twassal sar-raħal Ta’ Sannat u li bħalissa qed tiġi evalwata s-sejħa għall-offerti. Ix-xogħol mistenni jibda hekk kif dan il-proċess jitlesta. Apparti dan, qed jitħejjew il-pjanti biex Triq Sannat tiġi mibnija mill-ġdid la darba jitlesta il-proġett ta’ Pjazza Santa Margerita. Caruana rringrazzjat lis-Sindku tal-lokalità Philip Vella u l-kunsill lokali mmexxi minnu u awgurat iktar ħidma sfiqa għal ġid tar-raħal Ta’ Sannat u s-Sannatin.
Min-naħa tiegħu s-sur Philip Vella, qal kif il-kunsill lokali ilu diversi snin jaħdem fuq dan il-proġett ambizzjuż u li issa, l-ħolma tas-Sannatin ser issir realtà. Filwaqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-impenn muri mill-Ministru Caruana, saħaq kif il-kunsill lokali lest li jara li dan il-proġett jitlesta u allura ser jagħti kull sostenn u appoġġ meħtieġ.
It-tender tax-xogħlijiet ġie ppubblikat fuq is-sit elettroniku: https://www.etenders.gov.mt/epps/home.do
Is-sottomissjonijiet għandhom isiru sas-26 ta’ Ottubru 2018 skont l-istruzzjonijiet u l-indikazzjonijiet mogħtija.