Waqt intervista ma’ tliet ġurnalisti indipendenti, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem, fost oħrajn, dwar il-miżura li tħabbret fil-baġit għal din is-sena, dik tal-gyms b’xejn għal sitt xhur li se tibbenefika liż-żgħażagħ li twieldu bejn l-2005 u l-2007.
Il-Prim Ministru ħabbar kif, fl-aħħar jiem, infetħu l-applikazzjonijiet għas-sidien tal-gyms interessati biex jieħdu sehem.
Dr Abela tenna li l-ħsieb warajha hu li jiġi promoss stil ta’ ħajja aktar san kemm mill-aspett ta’ saħħa mentali kif ukoll b’kultura ta’ nutrizzjoni tajba.
“Kull min hu sid ta’ gym jista’ jipparteċipa f’din l-iskema. Għandi nifhem li se jagħmluha l-maġġoranza assoluta jekk mhux kollha. Infetaħ il-proċess li bih japplikaw. Meta jingħalaq dak il-proċess tal-applikazzjoni u s-sistema tiġi in place, imbagħad, l-individwu jkun jista’ jmur japplika, dawk għalissa li twieldu fl-2005, l-2006 u l-2007, u jkollhom il-membership tagħhom għal sitt xhur li tkun imħallsa kollha mill-Gvern.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-Malta Labour Migration Policy, politika li qabel kollox tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiem u taħseb, fost oħrajn, li l-ewwel opportunitajiet jingħataw lill-Maltin u l-Għawdxin.
Fir-rigward tal-inizjattiva bejn il-Gvern u l-privat b’investiment ta’ erbatax-il miljun ewro biex titnaqqas l-istennija fl-isptar Mater Dei, il-Prim Ministru qal li, fl-aħħar mill-aħħar, il-pazjent għandu jirbaħ, anke fi sfond tad-diskussjonijiet li għaddejjin mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM.
“Nifhem, imma, imbagħad ma nħallux ċerta issues li huma żgħar ta’ diskussjoni, li jistgħu jqumu, jippreġudikaw is-saħħa tal-pazjent u determinat li jwassluha din ir-riforma għax hi mit-tajjeb. U anke n-nurses qed jgħidulna ‘isma’, ejja agħmluha, għax hi tajba s-sistema tal-outsourcing. Jiġifieri naħseb hemmhekk ukoll importanti li nibqgħu mexjin u persważ li, mal-MAM, kapaċi naslu madwar il-mejda.”
Dr Abela temm b’messaġġ b’saħħtu dwar il-Viżjoni Malta 2050, li se tkun qed tiġbor flimkien kull settur f’pajjiżna, b’viżjoni ħolistika għal Malta aktar ta’ kwalità.
“Il-qalba ambjentali, il-qalba diġitali u l-Malta Vision tgħaqqad dawk kollha flimkien u tgħidilna fejn irridu mmorru. Grazzi lill-poplu, għax, fuq kollox, din hi viżjoni ta’ poplu. Għandna waħda mill-aqwa ditti internazzjonali li speċjalizzata fuq dan ix-xogħol. Għamlitu għal pajjiżi oħra, ingaġġajniha biex tagħtina l-aqwa prodott u naħseb li, fix-xhur li ġejjin, se nkunu nistgħu noffru xi ħaġa li dan il-poplu verament jixraqlu.”