Il-Ministeru għall-Ġustizzja llum ħareġ sejħa pubblika fil-Gazzetta tal-Gvern għal żieda ta’ tliet imħallfin ġodda.
Dan il-pass se jkompli jsaħħaħ il-korp tal-ġudikatura u dan b’konformità mal-impenn fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, li llum huwa l-pjan ta’ ħidma tal-Gvern, u b’diskussjoni mal-Prim Imħallef.
Fi stqarrija mill-Ministeru responsabbli ntqal kif din iż-żieda fil-korp tal-ġudikatura qed issir b’mod proattiv u ser tkun qed tantiċipa l-irtirar ta’ żewġ imħallfin sedenti li se jilħqu l-età massima tal-irtirar fiż-żmien li ġej u se tipprovdi wkoll l-opportunità li jkun assenjat imħallef ieħor li jippresedi fil-Qorti Ċivili, Sezzjoni Kummerċ.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard saħaq li din id-deċiżjoni u dan l-investiment se jsaħħu l-bażi għal aktar riformi fis-settur, bl-iskop aħħari jkun li mhux biss issir il-ġustizzja, iżda li ssir fi żmien raġjonevoli.
Din iż-żieda ser tkompli ssaħħaħ il-korp tal-ġudikatura li diġà huwa l-akbar wieħed fl-istorja tal-Qrati tagħna.
Dan ser iwassal ukoll għal żieda fl-ammont ta’ ġudikanti meta pparagunat mal-popolazzjoni kif kalkolat fl-evalwazzjonijiet internazzjonali tas-sistemi ġudizzjarji.
Dawk interessati għandhom jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom bid-dokumenti kollha sa mhux aktar tard minn nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Lulju 2023, sal-12:00pm lis-Segretarju tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, Qrati tal-Ġustizzja, Valletta.