L-American University of Malta ingħatat il-liċenżja biex tibda topera minn pajjiżna bħala Università.
Ħabbar dan Martin Scicluna, iċ-ċermen tal-bord tal-kummissjoni nazzjonali għall-edukazzjoni avvanzata u ogħla.
F’diskors twil kważi siegħa, spjegat u dettaljat, Scicluna fisser kif il-kummissjoni kienet ilha minn Mejju tal-2015 tagħmel skrutinju tal-investituri Saadeen Education Investment.
Spjega kif kien annalizat il-programm edukattiv li qed joffru l-investituri bħala parti mill-proċess biex toħroġ il-liċenzja ta’ Universita’ .
Innota kif l-American University of Malta qiegħda fis-sħubija maż-żewġ Universitajiet li jinsabu fl-Istati Uniti, li huma d- De Paul University f’Chicago u Clemson University f’South Carolina. Dawn se jipprovdu garanzija ta’ kwalitá fil-tagħlim fil-livell universitarju lill-Universita’ Amerikana f’Malta.
Ic-chairman tal-Kummissjoni innota l-kontroversja li qamet b’rabta ma’ dan l-investiment ta’ mija u għoxrin miljun ewro f’pajjizna. Fisser kif għall-ewwel darba sar due diligence tal-assi tal-investituri, f’dan il-każ is-Saaden Education Investment.
Biex sar dan tqabbdet il-kumpanija ta’ awditjar Price Waterhouse Coopers u filwaqt li ngħata ċertifikat għas-saħħa tal-investituri, kien deċiż ukoll li jkun hemm numru ta’ kundizzjonijiet mal-ħruġ tal-liċenzja. Dan biex ikun assigurat li l-investiment ikun sostenibbli u li joffri edukazzjoni tal-ogħla livell fit-tul.
L-Universita’ se tilqa fiha mal-4,600 sudent u huwa stmat li se jkollha mal-271 akkademiku .L-Università se jkollha ħames fakultajiet imqassmin fuq il-kampus ta’ Żonqor fil-Baċir numru wieħed ta’ Bormla fejn ix-xogħol diġa’ beda.