Waqt il-programm ‘XTRA’ fuq ix-xandir nazzjonali, il-Ministru Jonathan Attard qal li Gvern Laburista kellu l-kuraġġ li jintroduċi l-kariga u l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u dejjem irrispetta l-konklużjonijiet li ħarġu mir-rapporti maħruġa mill-Kummissarju u ra kif itejjeb l-operat tiegħu.
“Mhux biss kellna l-kuraġġ li, mill-Gvern, nimplimentaw din ir-riforma. Infakkar li kien hemm White Paper fuq is-suġġett fi żmien Gvern Nazzjonalista u tħalliet fuq l-ixkaffa. Wieħed jifhem ukoll għalfejn tħalliet fuq l-ixkaffa.”
Il-Ministru Jonathan AttardREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Staqsa lid-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott u lis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino x’sar wara r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards meta sab li disa’ deputati Nazzjonalisti sparpaljaw flus pubbliċi u kif qed jaderixxu mal-kodiċi tal-etika li huma obbligati josservawhom il-Membri Parlamentari kollha, inkluż dawk Nazzjonalisti.
“Perfetti m’aħniex, però ċertament mhux se nkunu ipokriti fil-mod kif naffrontaw kwistjonijiet etiċi. Din is-sitwazzjoni hi spjaċevoli. Aħna ttrattajniha b’ċerta responsabilità. Però kixfet l-ipokrezija fl-approċċ u l-mod kif jittratta l-PN u l-mod responsabbli kif ittrattajnieha aħna bħala Partit Laburista u bħala Gvern.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid McKay, qal li f’25 sena ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti lanqas biss kien hemm riżenja waħda mal-iskandli li seħħew dak iż-żmien.
Irrefera għall-każ meta, fl-eqqel tar-riċessjoni, il-membri tal-Kabinett kienu taw lilhom infushom bil-moħbi ta’ kulħadd mal-€1.7 miljun f’żieda fil-paga tagħhom stess.
“Dak iż-żmien il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien qal ‘konna insensittivi’ u kellhom jiġu rritornati. L-impressjoni li għandhom in-nies hemm barra hi li dawk il-€1.7 miljun imqassmin fuq il-membri tal-Kabinett ta’ dak iż-żmien ġew irritornati. Kemm minnhom ġew irritornati? Trid tkun wiċċek ma jistħix biex tiġi hawnhekk titkellem fuq kumpens ta’ persuna li ngħata f’dawn l-aħħar jiem.”
Leonid Mckay, Kap Eżekuttiv tal-PL
Meta kkonfronta lil Piccinino u Carabott b’dan il-każ, dawn ħassewhom skomdi jwieġbu, tant li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista nfexx f’dagħdigħa ta’ għajjat u gideb li dawn il-flus ġew irritornati.
Madankollu, minn mistoqsija Parlamentari, ikkwotata minn Leonid McKay, joħroġ li mill-€1.7 miljun li ħadu bejniethom il-membri tal-Kabinett Nazzjonalista, kienu biss €300,000 jew 17% tal-ammont totali li ġew irritornati lura.
“Hemm differenza bejn dak li ġara f’dawn l-aħħar jiem u dak li ma ġarax bejn l-2008 u l-2012, li kellhom jiġu rritornati.”
Leonid Mckay, Kap Eżekuttiv tal-PL
Id-deċiżjoni li jżidu l-paga bil-moħbi ta’ kulħadd kienet ittieħdet mill-membri tal-Kabinett Nazzjonalista f’Mejju tal-2008, ftit wara l-elezzjoni ġenerali u fl-istess żmien li l-Gvern Nazzjonalista kien żied il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.