Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg ħarġet għonqha għall-Jason Azzopardi hekk kif qalet li l-konnessjonijiet li għandu ma’ Yorgen Fenech huma differenti minn dawk li għandu l-Kap Adrian Delia.
Fuq ix-xandir nazzjonali, skont Buttigieg, deputat mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Adrian Delia għamel ħażin iżda mhux Jason Azzopardi.
Buttigieg qalet: “Jiena assigurani wkoll Jason Azzopardi li ma’ Yorgen Fenech ma ltaqax fuq livell personali laqgħat. La kellu Whatsapp messages għaddejjin miegħu u speċjalment wara l-istorja tas-17-Black. Ħaddieħor ma jistax jgħidha. Ħaddieħor qalilna ma nafx għax ma nafx is-sorsi minn fejn huma.”
Il-Ħadd fuq Facebook Azzopardi ħalef li qatt ma ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech madankollu ftit wara ħareġ ritratt fejn Azzopardi deher b’tazza f’idu ma’ Yorgen Fenech.
Dakinhar stess omm is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ċanfret mhux ftit lil Azzopardi hekk kif staqsietu jekk hux ċert minn dak li qed jgħid u qaltlu miskin min jemmnu.
Fuq it-televiżjoni Buttigieg qalet li kieku kienet hi flok Jason Azzopardi ma titkellimx b’mod assolut.
Il-Preżentatur ikkwota: “Qal jien naħlef li qatt ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech.”
Iżda Buttigieg sostniet:”Jiena ma nitkellimx b’mod assolut.”
Imbagħad Claudette Buttigieg, fissret l-istejjer dwar Jason Azzopardi bħala devjazzjoni:
“Din hija devjazzjoni assolutament maħluqa minn naħa tal-Partit Laburista b’nies prominenti fil-Partit Laburista jtellgħu l-affarijiet. Għaliex? Għax hija devjazzjoni.”
Imbagħad l-eks kantanta tal-Eurovision pruvat traqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar f’ġieh Jason Azzopardi.
Buttigieg kompliet tgħid: “Jiena qas naf kemm kantajt tiġijiet ta’ nies vera magħrufin. Minjaf kemm kien hemm membri parlamentari u ministri u minjaf kemm ħadt b’idejn nies u minjaf kemm hemm ritratti tiegħi ma’ nies differenti.”