Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar tkellmu dwar il-baħar jaqsam li l-poplu seta’ jinnota fil-kwiet ta’ daru fid-diskorsi li ħejjew il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fil-Parlament dwar il-budget.
Id-deputati Laburisti sostnew l-budget jagħti opportunità tad-deheb lill-poplu biex jgħarbel u jixtarr il-viżjoni tal-politiċi u dawn il-jumejn rajna bl-aktar mod ċar id-differenza bejn iż-żewġ mexxejja.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li Bernard Grech kellu ċans uniku biex juri x’politiku hu u jgħid x’seta għamel differenti iżda donnu nesa li m’għadux opinjonista fuq xi programm televiżiv.
Hu nnota u emfasizza wkoll li f’diskorsu, Bernard Grech kien skorrett fattwalment fuq il-faqar kif ukoll fuq statistika li tikkonċerna l-ammont ta’ Għawdxin li jaħdmu fil-gżira Għawdxija.
Il-Ministru Camilleri qal li f’dawn il-jumejn il-mexxejja ngħataw iċ-ċans juru d-differenza bejniethom u saħansitra sostna li l-Partit Nazzjonalista biddlu l-kap iżda nesew ibiddlu l-attitudni.
Qal kif, “Huwa riflessjoni ta’ Oppożizzjoni ta’ Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni illi suppost qed jippjana jekk il-poplu jogħġbu jtih il-fiduċja sabiex ikun fil-Gvern iżda minflok għażel li jkun amateurish, minflok għażel li jibqa’ inkompetenti u sfortunatament din mhix l-ewwel darba li rajniha. Rajniha f’budget wara l-ieħor, rajnija fil-pre-budget document tal-PN wara l-ieħor.”
Is-Segretarju Parlamentari Cutajar stqarret li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech seta’ jitkellem dwar x’jixtieq jara u jagħmel iżda minflok qara diskors mingħajr enerġija u ideat.
Hi sostniet li l-poplu rrifjuta n-negattività tal-Oppożizzjoni fejn f’mumenti ta’ pandemija il-poplu Malti wera li ma jridx mexxejja li jaqtgħulu qalbu iżda mexxejja li joffru serħan il-moħħ.
Spjegat li, “Il-poplu Malti qed jurina illi ma jridx mexxejja li jaqtgħulu qalbu. Irid mexxejja li jagħtuh it-tama, il-kuraġġ u s-serħan il-moħħ u llum il-ġurnata nafu li huwa biss Robert Abela li jista’ jagħtina dan.”
Il-kelliema għall-Partit Laburista temmew jgħidu li Bernard Grech mhux biss ma jafx fejn qiegħed imma ma jistax jifhem fejn irid imur.
Dan għall-kuntrarju tal-Prim Ministru Robert Abela li mhux biss ħejja l-viżjoni għal għada iżda għas-snin illi ġejjin.