Li tagħmel test tal-IQ wara ġimgħa sħiħ xogħol jekk għandek ċertu età, mhix idea tajba.
Li jkollok aktar minn 40 sena u taħdem aktar minn 25 sigħa kull ġimgħa tista’ tfisser ħsara għall-intelliġenza tiegħek, skont riżulati ta’ studju ppublikati issa minn riċerkaturi f’istitut tal-ekonomija u r-riċerka soċjali f’Melbourne, l-Awstralja.
L-istudju sar fost aktar minn 6,000 ħaddiem. Ir-riżultati juru li sigħat twal ta’ xogħol iwasslu għal għejja kbira – s’hemm wieħed jista’ jassumi. Iżda jikkaġunaw ukoll stress fiżiku u psikoloġiku, u jħallu effett ħażin fuq il-mod kif jaħdem il-moħħ.
Sabu li l-aħjar ammont ta’ sigħat li wieħed għandu jaħdem meta jaqbeż l-40 huwa 25, ċioe xogħol part-time jew tliet darbiet fil-ġimgħa. Jekk qed titħajru tirtiraw, tridu tqisu l-fatt li l-istess studju sab li meta wieħed jaħdem inqas minn dan l-ammont, xorta jkun hemm impatt negattiv fuq il-ħiliet. Ix-xogħol, spjega r-riċerkatur Colin Mc Kenzie mal-BBC, jistimola l-attività fil-moħħ; tiħdol l-ipoteżi ‘use it or lose it’. Allura l-ideali huwa 25 sigħa xogħol kull ġimgħa.
Forsi din mhux l-aqwa aħbar għalik jekk għandek aktar minn 40 – u jekk le, qed nagħtuk materjal biex tagħmel ġurnata taqbad ma’ min għandu. Meta tiskorri l-20 sena, tibda titlef l-abiltà li tipproċessa l-informazzjoni. Meta taqbeż it-30, tibda titlef l-abiltà li tħaddem dak li tkun tgħallimt. Sa meta tilħaq l-40, persuna normali tibda tmur inqas tajjeb f’testijiet tal-memorja.
M’aħniex responsabbli jekk din il-ġimgħa toħorġu bil-leave f’nofsha.