Bħala parti mill-ġlieda kontra t-traffikar ta’ umani, Identity Malta intensifikat il-kontrolli spissi u l-infurzar fuq l-applikazzjonijiet li tirċievi għall-permessi ta’ residenza. Riżultat ta’ dan, impjegati ta’ Identity Malta nnutaw li raġel ta’ nazzjonalità Filippina kien skadilu l-permess biex joqgħod f’Malta.
Waqt dawn il-kontrolli, ir-raġel ammetta li l-passaport tiegħu ttieħed minn persuna oħra barranija miżżewġa Malti, li talbitu flus b’użura bħala skambju biex ittih il-passaport lura.
Immedjatament meta saret taf b’dan il-każ, Identity Malta għaddiet it-tagħrif li kellha lill-Pulizija sabiex tkompli tinvestiga dan il-każ. Min-naħa tagħha l-Pulizija diġà interrogat lill-persuna barranija miżżewġa Malti li kellha l-passaport tal-Fillipin u din min-naħa tagħha ammettiet l-akkużi waqt l-interrogazzjoni.
Fil-jiem li ġejjin żewġ persuni mistennija li jitressqu l-Qorti. L-ebda minn dawn il-persuni m’għandhom konnessjoni ma’ Identity Malta.