Sa ftit tal-jiem ilu, bosta stabbilimenti fil-pajjiż kellhom il-bibien magħluqa u d-dawl mitfi.
Iżda hekk kif din il-ġimgħa bdew jitnaqqsu r-restrizzjonijiet, is-Sibt kienu bosta, li ħatfu l-opportunità biex imorru jixtru.
Ġurnalista u cameraperson ta’ ONE News żaru bosta stabbilimenti f’Tas-Sliema, fejn wara li ttiħditilhom it-temperatura, esperjenzaw realtà ġdida minn wara l-maskri – mhux biss ta’ dawk li marru jixtru imma anki tal-bejjiegħa.
Sidien ta’ ħwienet qalu kemm qed iħossuhom tajbin li reġgħu rritornaw għax-xogħol, anki jekk f’realtà differenti.
Meta kienu mistoqsija: “Kif tħossok issa li erġajt dħalt lura għax-xogħol?”
Huma qalulna: “Tajjeb ħafna għax id-dar kienet ħa ttini rasi. Tipprova tara kif ħa tgħaddi l-ħin, issib biex tgħaddi l-ħin imma mhux il-ħin kollu imma tajjeb li erġajna bdejna.”
“Dil-ġimgħa kienet mhux ħażin imma għadha daqsxejn kwieta kkumparat mas-soltu. Nisperaw li n-nies jibdew jidraw ukoll. Ovvjament noqogħdu attenti dejjem għal saħħitna, dejjem nieħdu l-prekawzjonijiet imma konvint li bil-mod nerġgħu nippruvaw niġu għan-normal.”
Minkejja li bosta xerrejja kienu xettiċi, xorta ħarġu minn djarhom għall-bżonnijiet filwaqt li oħrajn ħarġu biex tal-inqas jaqtgħu ftit u jadattaw għal din il-ħajja kemmxejn stramba.
Xerrejja li tkellimna magħhom, huma qalulna: “Jien inħossni tajba għax fl-aħħar nistgħu noħorġu.”
“Trid tadatta għall-ħajja li ġejna fiha. Sfortunatament bħalissa qegħdin f’din is-sitwazzjoni u j’Alla ma ndumux ma nerġgħu għan-normal.”
“Almenu għandna dik in-naqra inqas niex affettwati allura almenu nistgħu noħorġu naqra.”
“Xorta diffiċli biex tixtri mhux faċli. Kjus kbar hawn u veru tiġi għall-bżonn mhux biex toqgħod tixtri għalxejn.”
“Kieku jien ma kontx niġi imma t-tfal xtaqu jiġu u ġejna hawnhekk.”
Issa li r-rota reġgħet bdiet iddur, hemm it-tama li tibqa’ għaddejja biex twassalna f’realtà aktar libera minn dik li qed ngħixu llum.