Tnieda proġett pilota li se jara diversi attrazzjonijiet turistiċi fl-Imdina u l-Belt jiġu mgħammra b’installazzjonijiet li joffru esperjenza lit-turisti li għandhom problemi fil-vista.
F’dan il-proġett se jsiru erbatax-il installazzjoni; sebgħa fl-Imdina u sebgħa oħra fil-Belt, li se jgħinu persuni neqsin mid-dawl jifhmu l-istorja marbuta mal-bini storiku f’pajjiżna b’żewġ modi, li spjegatilna aktar dwarhom waħda mill-persuni li ħarġu bl-idea tal-proġett.
Joan Sheridan, li ħarġet bl-idea qalet: “L-ewwel ħaġa li huma jistgħu jħossu b’idejhom kull disinn li hemm f’dawn il-faċċati u binjiet storiċi, u barra hekk għandhom ukoll l-ispjega fuq QR Code biex tgħinnhom aħjar jaraw dak li jkunu qed iħossu.”
Għal dan il-proġett pilota ġew magħżula l-Imdina u l-Belt fid-dawl li dawn huma l-aktar żewġ postijiet popolari mat-turisti.
Skont stħarriġ tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu li sar fis-sena ta’ qabel il-pandemija, disgħin fil-mija tat-turisti li ġew Malta żaru l-Belt u sebgħin fil-mija marru l-Imdina.
Is-Sindku tal-Imdina Peter Sant Manduca jemmen li dawn l-installazzjonijiet se jagħmlu differenza, waqt li s-Sindku tal-Belt innota kif minn dan il-proġett, mhux se jgawdu biss it-turisti.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli nnutat kif dan il-proġett imur id f’id mal-istrateġija nazzjonali għall-persuni b’diżabilità, li tisħaq fuq l-aċċessibilità anki fit-turiżmu.
“Aċċessibilità mhux biss fiżika imma per eżempju li persuni neqsin mid-dawl ikollhom iċ-ċans li jgawdu xorta u jieħdu togħma ta’ dak li post turistiku jkun qiegħed joffri u allura nemmnu li dan il-proġett pilota fl-Imdina u l-belt kapitali Valletta se jagħmel l-ewwel pass.”