Bħalissa pajjiżna għandu 81.5% tal-popolazzjoni adulta mlaqqma bl-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19 u 73% tal-popolazzjoni adulta hija kompletament imlaqqma.
Fil-Parlament, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ta dawn id-dettalji meta kien qed jitkellem dwar il-varjant Indjan Delta fejn saħaq kif dan ġab għarkupptejhom numru ta’ sptarijiet u servizzi tas-saħħa fl-Asja.
Qal li dan il-varjant ukoll wassal biex fl-Awstralja ġew imposti restrizzjonijiet ġodda u għalhekk Malta se tibqa’ viġilanti u kawta fid-deċiżjonijiet tagħha.
Spjega li fejn qabel, ir-rata tal-immunità għall-virus tal-Covid-19 kienet biżżejjed b’70% tal-popolazzjoni mlaqqma imqar b’doża waħda, b’dan il-varjant li jinfirex iżjed, ir-rata għall-immunità tal-virus issa telgħet għal 80% u hekk Malta wkoll hija koperta.
Spjega kif wara li Malta kienet l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li laħqet l-immunità għall-virus, issa pajjiżna għandu l-mira li jkun laqqam 85% tal-popolazzjoni, b’imqar doża waħda tal-vaċċin.
Fisser kif pajjiżna ħaseb bil-quddiem u għandu anki ordnati dożi addizzjonali li jkunu jeħtieġu n-nies, f’każ ta’ doża oħra tal-vaċċin.