Mijiet ta’ familji attendew għall-attività Together We Shine organizzata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat bl-għajnuna ta’ Project Green u Aġenzija Sapport.
Dawk preżenti gawdew minn logħob, divertiment għat-tfal, treasure hunts, mużika, workshops, stejjer, attivitajiet bil-fniek u xow bil-klieb, li kienu fost l-attivitajiet li wieħed seta’ jara fil-park tal-familja San Klement Ħaż-Żabbar tul il-jum tal-Ħadd, 20 t’Ottubru.
L-iskop tal-attività ntlaħaq ukoll bl-inklużjoni ta’ opportunitajiet ta’ volontarjat inklussivi għal persuni b’diżabilità, fejn l-għaqdiet parteċipanti ġew megħjuna minn voluntiera b’diżabilità matul l-attività. Dan kien jinkludi preparazzjoni minn qabel permezz ta’ taħriġ u tħejjija għall-attività. Din il-parti tal-attività tħejjiet b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Sapport u għaqdiet oħra esperti f’dan is-settur.
Waqt żjara li għamlet f’din l-attività, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, stqarret kif din il-ġurnata kienet avveniment li jpoġġi l-inklużjoni fil-qalba tal-komunità. “Il-parteċipazzjoni attiva ta’ organizzazzjonijiet volontarji u individwi b’diżabilità hija xhieda ċara ta’ kif nistgħu noħolqu soċjetà aktar ġusta u inklużiva bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd. Kienet attività li mhux biss tiċċelebra d-diversità iżda wkoll turi kif, flimkien, nistgħu ngħinu lil kulħadd jesperjenza u jgawdi minn dawn l-attivitajiet b’mod ugwali.”
Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, qal, “wara ħafna preparamenti, wieħed jieħu gost jiltaqa’ u jara lill-għaqdiet volontarji jesponu x-xogħol li jagħmlu u jinteraġixxu b’mod attiv mal-pubbliku preżenti. Huwa wkoll ta’ pjaċir li tara numru ta’ entitajiet pubbliċi jikkollaboraw flimkien sabiex inkunu nistgħu ntellgħu attività bħal din, u ta’ dan nirringrazzja lil Project Green, lill-Aġenzija Sapport, u liċ-Ċentru Ewropew tal-Volontarjat (CEV) li pprovdew il-fondi.”
Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, żar l-attività fejn minbarra l-involviment ta’ persuni b’diżabilità fit-tħejjija tal-Family Fun Fest, kien hemm ukoll il-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità mis-servizzi ta’ matul il-jum bil-proġett tagħhom KreAzzjoni. Scicluna tenna li attivitajiet inklussivi bħal din iservu bħala opportunità fejn persuni b’diżabilità jistgħu verament jintegraw fil-komunità, juru l-abilitajiet tagħhom u jakkwistaw esperjenzi li jgħinuhom kemm fl-aspett tal-impjieg u anke fil-ħajja soċjali tagħhom, apparti li jkunu qed jagħtu kontribut siewi fis-soċjetà.
Din l-attività ġiet organizzata permezz ta’ għotja finanzjarja mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat miċ-Ċentru Ewropew tal-Volontarjat (CEV) bħala parti mill-proġett Volunteering Equality Rights Action (VERA) 2024.