Il-Gvern tal-Korea ta’ Isfel hedded li jarresta eluf ta’ tobba li ħarġu fuq strajk u jirrevokalhom il-liċenzji mediċi, jekk ma jidħlux lura għax-xogħol illum.
Madwar tliet kwarti tat-tobba li jinsabu fl-aħħar fażijiet ta’ taħriġ tagħhom fil-pajjiż, telqu mix-xogħol fl-aħħar ġimgħa, bil-konsegwenza li kkawżaw tfixkil u dewmien f’operazzjonijiet fi sptarijiet ewlenin tat-tagħlim.
Dawn it-tobba qed jipprotestaw dwar pjani tal-Gvern li jżid b’mod drastiku l-istudenti mediċi li jidħlu l-università, biex iżid in-numru ta’ tobba fis-sistema tal-pajjiż. Qed jipprotestaw ukoll li ma jitħallsux ġustament għax-xogħol li jagħmlu, u li qed jiġu abbużati bis-sigħat li jaħdmu u bix-xogħol li jingħataw.
Dan fid-dawl li l-Korea ta’ Isfel għandha waħda mill-inqas rati ta’ tobba, paripassu man-numru ta’ pazjenti, fost l-aktar pajjiżi żviluppati; u b’popolazzjoni li qed tixjieħ b’mod rapidu, il-Gvern qed iwissi li se jkun hemm nuqqas akut ta’ tobba sa għaxar snin oħra.
Il-kurituri vojta f’wieħed mill-isptarijiet ewlenin f’Seoul din il-ġimgħa, taw stampa ta’ kif possibilment jidher il-futur f’dan il-pajjiż jekk dan iseħħ. Bilkemm kien hemm tabib jew pazjent f’dan l-isptar, hekk kif il-pazjent bdew ikunu mħeġġa joqogħdu ’l bogħod mill-isptarijiet minħabba li m’hemmx tobba biex jarawhom.