B’mod konsistenti qed jitkellmu persuni li nnotaw kif fost dawk li ffirmaw dokument kontra l-emenda li qed jipproponi l-Gvern biex iħares il-mara f’sitwazzjoni ta’ riskju għal ħajjitha jew saħħitha f’periklu gravi, hemm professjonisti li qed jibagħtu l-pazjenti tagħhom barra l-pajjiż.
Fl-aħħar ġimgħat tmenin persuna ffirmaw dokument kontra din l-emenda u qed jintużaw bħala parti intergrali mill-kampanja tal-Kurja, l-eks Ministru Tonio Fenech u l-Partit Nazzjonalista.
L-attivista u akkademika Andrea Dibben kitbet dwar dan fuq il-midja soċjali.
“Hemm mill-inqas tlieta minn dawn it-tobba li bagħtu diversi persuni r-Renju Unit u ffirmaw il-pożizzjoni tal-akkademiċi. Għandna provi ċari, inklużi ittri u screenshots ta’ taħditiet ma’ pazjenti. Mhux se nsemmi l-ismijiet għax mhux l-għan tiegħi li nċappas lil xi ħadd, imma tafu min intom u l-pazjenti jafu min intom. Tant huma dispjaċuti li qed jitkellmu,” qalet Dibben, li żvelat kif dawn l-istess pazjenti jkollhom iħallsu mas-sitt elef u ħames mitt ewro biex imorru jagħmlu dan barra.
Il-President tal-Partit Laburista, l-avukat Ramona Attard, ukoll tkellmet b’mod ċar dwar dan.
“Aħna nitkellmu man-nies, u nitkellmu sew man-nies. F’dik il-lista, nistaqsi, kontra din l-emenda li hija ċara li mhix abort, jista’ jkun hemm min fil-kwiet tal-kliniċi tagħhom irrakkomandaw ommijiet biex imorru barra minn Malta biex jitterminaw it-tqala tagħhom? Forsi biex jipproteġu lil omm, forsi għal raġunijiet li jafu huma, imma aħna nitkellmu mn-nisa. Jekk hemm nies f’dik il-lista li setgħu rrakkomandaw abort għax irraġunaw li, la barra minn Malta, l-abort mhux problema, l-inqas ħaġa li jagħmlu ma jkunux diżonesti magħhom nfushom. F’ġieħ il-kredibbiltà professjonali tagħkom, anke mal-pazjenti tagħkom stess,” sostniet Dr. Attard.
Wara dan tkellmu persuni oħra. Pazjenti li, għalkemm beżgħana f’dibattitu fejn il-vuċi tagħhom qed tinħass magħsura minn ħafna, mhux jifilħu jaraw ċerta ipokrezija.
Persuna oħra kitbet li kellha t-tqala li xtaqet, iżda ċ-ċirkostanzi kienu mill-iktar diffiċli. Intbagħtet tittermina t-tqala barra u kkonludiet tgħid hekk: “It-tabib għandu ismu f’dik il-lista li ffirmaw kontra din il-liġi.”