Il-pubbliku għandu l-opportunità li jressaq l-ideat u s-suġġerimenti dwar il-bidliet li jixtiequ jsiru fil-kostituzzjoni tagħna.
Fuq is-sit: riformakostituzzjonali.gov.mt il-pubbliku jista’ jressaq is-suġġerimenti tiegħu u jwassal l-messaġġ tiegħu.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni se jdum 3 xhur. Il-pubbliku jista’ jibgħat l-ideat tiegħu permezz tal-ittri.
Il-President ta’ Malta George Vella qal li dan huwa stadju importanti. Qal li irid li jisma’ mill-poplu u mhux ikunu l-politiċi wara bibien magħluqa li jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom.
Il-President qal li irid li l-poplu Malti – persuni, akkademiċi, għaqdiet iressqu l-ideat tagħhom. Huwa tenna li grupp ta’ nies se janalizzaw is-suġġerimenti li se jirċievu.
Il-President semma li hemm tibdil fil-kostituzzjoni li ser isir permezz ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Venice Commission. Hemm proposti li diġà qed isir id-diskuzzjoni bejn il-gvern u l-oppożizzjoni u hemm abbozzi sabiex jidħlu mill-ewwel.