Waqt konferenza tal-ahbarijiet, tnieda d-dokument tal-iStandards Nazzjonali għall-Proċess tal-Adozzjoni tat-Tfal għall-Konsultazzjoni Pubblika. Il-Ministru ghall-Familja Dr Michael Falzon qal li s-settur tal-Adozzjonijiet se jkun fuq nett tal-aġenda tal-Gvern ghaliex it-tfal kollha għandom id-dritt li jitrabbew f’ambjent ta’ familja li tkun tista’ tagħtihom dak kollu li jkun meħtieġ. Il-Ministru Falzon qal illi minkejja d-diffikultajiet li jeżistu, il-Gvern jinsab kommess li jiffaċilita dan il-proċess kemm jista’ jkun. Falzon spjega wkoll illi l-ispejjeż finanzjarji relatati mal-adozzjoni huma iebsin u għalhekk dan il-Gvern se jkun qed jgħin lill-koppji li jixtiequ jaddottaw tarbija b’għajnuna diretta sa massimu ta’ €10,000 ewro filwaqt li jingħata rebate tal-ispejjeż li l-koppja tagħmel biex tivvjagga.
Id-Direttur għall-iStandards fil-Ħarsien Soċjali Carmen Buttigieg qalet li l-għan tal-istandards huwa li jassistu lil kull min hu b’xi mod jew iehor huwa nvolut fil-proċess tal-adozzjoni bħal ma huma l-ġenituri adottivi prospettivi, l-aġenziji akkreditati, il-Bord ghall-Adozzjoni, l-Awtorita’ Ċentrali, u l-Aġenzija responsabbli mill-Ħarsien tat-Tfal. Carmen Buttigieg qalet ukoll li l-istandards jassiguraw ukoll li s-servizzi relatati mal-proċess tal-adozzjoni jkunu ta’ kwalita’ għolja li jharsu l-interessi ta’ dawk involuti specjalment l-interessi tat-tfal li għandhom dejjem jingħataw l-ewwel prijorita’.
Din il-konsultazzjoni Pubblika se ssir fuq medda ta’ sitt ġimghat u tispiċċa fit-3 ta’ Novembru li ġej. Id-Dokument se jkun jista jinkiseb kemm minn fuq il-website tal-Ministeru (family.gov.mt) kif ukoll minn fuq il-website tad-Dipartiment għall-Istandards fil-Ħarsien Soċjali. Dawk kollha li jkunu jixtiequ jħallu is-suġġerimenti jistgħu jibgħatu email fuq adoptions.standards@gov.mt