Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri nieda abbozz ta’ liġi dwar l-użu tal-monitoraġġ elettroniku għal persuni kkundannati bil-għan li jissorvelja l-movimenti ta’ persuna b’apparat sigur.
Dan wara proċess ta’ konsultazzjoni u anki perjodu fejn dan il-proċess ġie ppruvat fuq numru żgħir ta’ persuni.
L-abbozz huwa msejjes fuq tliet xenarji; monitoraġġ elettroniku b’ordni tal-Qorti, dak ta’ probational parole u prison leave.
Il-Ministru spjega li l-ħsieb wara din il-liġi huwa li pajjiżna jkollu piena alternattiva, hekk kif “il-liġijiet tagħna, diġà jagħtu diversi pieni iżda qed ninkludu piena alternattiva u din il-piena tkun tista’ tiġi ordnata mill-Qorti f’dawk ir-reati jew kontravenzjonijiet meqjusa minuri.”
Qed ikun propost li b’ordni tal-Qorti, isir monitoraġġ elettroniku fil-kofront ta’ persuni li jkollhom piena ta’ priġunerija ta’ mhux aktar minn sena u li l-azzjoni li jkunu għamlu ma tkunx suġġetta għal piena ta’ aktar minn sentejn.
Il-Ministru Camilleri żied jgħid li “l-Qorti tista’ tiddeċiedi li waqt dik is-sentenza, jista’ jkollok ta’ sena, ta’ xahrejn, ta’ tliet xhur, dik il-persuna tkun tista’ tmur f’istitut edukattiv – tista’ tmur l-MCAST, l-Università, kwalunkwe istitut edukattiv ġewwa pajjiżna u wkoll li permezz tagħha, persuna jista’ jmur ukoll fix-xogħol tiegħu u allura din hija l-parti rijabilitattiva, li jekk hemm persuna li għamlet reat jew kontravenzjoni meqjusa bħala minuri, il-Qorti tista’ tagħtiha ċ-ċans li ħajjitha ma tiqafx kompletament.”
L-aspett rijabilitattiv tas-sistema proposta huwa dak li minflok is-sentenza ta’ sena jew inqas issir fil-Faċilità Korrettiva, din issir id-dar jew f’post ieħor bi qbil mal-Qorti. Il-Qorti tista’ tiddeċiedi li waqt dik is-sentenza, il-persuna tkun tista’ tmur f’istituzzjoni edukattiva biex titgħallem jew tkompli tmur għax-xogħol. Dan jagħti ċans lil min iwettaq reat minuri biex ikompli b’ħajtu billi jistudja jew jaħdem.
Mhux kull persuna li jkollha sentenza ta’ sena jew inqas tista’ tgawdi minn din il-piena alternattiva. Min ikun akkużat b’reati ta’ vjolenza domestika, vjolenza abbażi tal-ġeneru, nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment, aċċess għall-ulied jew każijiet marbuta ma’ pedofelija ma jistgħux igawdu mill-monitoraġġ elettroniku. Dan biex ħadd ma jaħseb li jista’ jwettaq dawn l-atti u ma jispiċċax il-ħabs. Fost dawk li jistgħu jgawdu minn din is-sistema proposta hemm nies li jkunu akkużati b’sewqan bla liċenzja, atti marbuta ma’ nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa u ġlied fit-triq – każi li ma jkunux ta’ theddida fuq is-sigurtà.
F’każijiet ta’ probational parole u prison leave, preżentament, dawn ma jsirilhomx monitoraġġ elettroniku u bil-liġi proposta, dawn jistgħu jiġu segwiti b’din is-sistema biex ikun hemm aktar serħan il-moħħ għas-sigurtà tal-komunità.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li b’dawn l-emendi għandna naslu għal sistema li toffri aktar sigurtà lill-komunità, serħan il-moħħ lill-vittmi filwaqt li tgħin fir-rijabilitazzjoni tal-persuni.