Żewġ esperti taparsi, li nstab li lanqas kienu jikkwalifikaw għax-xogħol li ngħataw fl-inkjesta tal-isptarijiet, spiċċaw tħallsu f’daqqa mal-€450 fis-siegħa bl-approvazzjoni tal-Maġistrat inkwirenti Gabriella Vella.
Dan wara li l-espert ewlieni u project manager, l-Irlandiż Jeremy Harbinson, li kien issuġġerihom hu, talab biex dawn jitħallsu b’rati kummerċjali, kif jisħaq taħt ġurament fl-affidavit tiegħu tal-10 ta’ Frar li għadda.
Din l-informazzjoni dwar il-ħlasijiet toħroġ mir-rapport finali fejn, iżjed minn hekk, ħareġ ukoll li dawn it-taparsi esperti, Callum Coulter u Zara Melody, kienu ddikjaraw huma stess bl-aktar mod apert fuq il-midja, li ma kienx jistħoqqilhom il-ħatriet li ngħataw.
Tmin xhur u nofs qabel tqabbad fl-inkjesta, Coulter kien għadu kemm sar chartered accountant.
Imbagħad f’intervista fil-15 t’Ottubru tal-2021, iżjed minn sena wara li beda jaħdem fuq l-inkjesta tal-isptarijiet, Coulter stqarr li qatt ma kellu l-esperjenza f’dan il-qasam u li, għalih, dan kien kollu ġdid.
Għaldaqstant, Coulter lanqas fehem l-implikazzjonijiet serji tad-dikjarazzjoni pubblika tiegħu bħala espert f’waħda mill-akbar investigazzjonijiet f’pajjiżna. Għal xogħlu, Coulter x’aktarx tħallas mill-Qorti s-somma ta’ madwar €271 fis-siegħa.
Min-naħa l-oħra, Zara Melody nħatret esperta tal-Qorti fit-12 ta’ Settembru 2023, meta l-abbozz tar-rapport finali tal-esperti kien lest. Hi bdiet l-apprentistat tagħha fis-settur tal-IT fil-bidu tal-2023.
L-istess Melody kienet intervistata dwar l-apprentistat tagħha fejn ammettiet li ma kinitx tħobb l-iskola u għażlet li tmur għal għalliema sportiva, speċifikament tal-għawm.
Imbagħad bdiet l-apprentistat tagħha fl-IT, fejn kienet tqatta’ erbat ijiem xogħol u ġurnata tistudja. Bdiet mill-bidu, għax ma kellha l-ebda idea fuq l-IT, jiġifieri esperjenza ta’ xejn lanqas u qalet li din għad trid tiksibha.
Iżda disa’ xhur wara nħatret fuq l-inkjesta tal-isptarijiet fit-tim ta’ digital examiners tal-kumpanija ANSEC IA.
Għalhekk, dan hu każ ieħor fejn l-hekk imsejħa esperta ma seta’ qatt ikollha l-esperjenza meħtieġa u relevanti għall-każ, kif jirrakkomandaw standards internazzjonali u l-linji-gwida tal-Kunsill tal-Ewropa.
Minkejja dan, il-Maġistrat Vella tat il-barka tagħha biex din titħallas bil-€176 fis-siegħa.
L-istqarrijiet pubbliċi ta’ Coulter u Melody jirredikolaw mhux biss l-inkjesta li ħadmu fuqha, imma wkoll lill-Qorti u s-sistema ġudizzjarja f’pajjiżna b’mod ġenerali.
Mhux magħruf jekk tali ħlasijiet biz-zalza, li faċilment jitqiesu bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, flimkien ma’ iżjed abbużi sfaċċati u pprovati, humiex se jintalbu jitħallsu lura.