Is-sentenza fil-konfront taż-żewġ periti akkużati bil-qtil involotarju ta’ Miriam Pace mistennija tingħata f’Lulju li ġej.
Dan l-iżvilupp ħareġ wara li llum il-Maġistrat Joseph Mifsud għalaq il-kumpilazzjoni f’dan il-każ li seħħ sena ilu u li fih mietet l-omm ta’ żewġt itfal.
Il-Periti Roderick Camilleri ta’ 37 sena mir-Rabat u Anthony Mangion ta’ 73 sena mill-Gżira mistennija jkunu jafu s-sentenza fil-konfront tagħhom tliet xhur oħra.
Fuq dan il-każ hemm żewġ akkużati oħra, Ludwig Dimech ta’ 38 sena minn Ħaż-Żebbuġ li kien il-kuntrattur u Nicholas Spiteri ta’ 43 sena mill-Imqabba kien qed jaħdem fis-sit li fih seħħ il-każ.
L-erbat irġiel qed jiġu mixlijin li fit-2 ta’ Marzu tal-2020, fis-sit li jinsab bejn Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun u Triq Antonio Miruzzi f’Santa Venera, bi traskuraġni ikkaġunaw il-mewt ta’ Miriam Pace, omm ta’ 54 sena.
Huma qed jiġu akkużati ukoll li fl-istess jum, u fil-ġimgħat ta’ qabel, ikkaġunaw ħsara fil-proprjetà tal-istess vittma kif ukoll fi tliet proprjetajiet oħra.