Illum għall-ħabta tal-ħdax u kwart, il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku fi Triq il-Mistra, San Pawl il-Baħar
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li waqt li vettura tat-tip Hyundai Getz kienet qed tinstaq minn mara ta’ 62 sena residenti r-Rabat, Għawdex, għal xi raġuni kellha impatt ma’ arblu tad-dawl. Magħha fil-vettura kien hemm raġel ta’ 71 sena li wkoll jirrisjedi r-Rabat, Għawdex.
Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu liż-żewġ vittmi li kienu maqbuda fil-vettura. Issejjaħ ukoll tim mediku li ħadu liż-żewġ persuni l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard huma ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.