Jonathan Degiorgio ta’ 37 sena minn Santa Venera u Chistopher Mifsud ta’ 34 sena minn Birkirkara, inżammu arrestati wara li allegatament serqu madwar għaxart’elef ewro fi flus kontanti u xi ġojjellerija.
Il-każ imur lura għas-7 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar meta serqu minn residenza minn Santa Venera.
Huma ġew mixlija wkoll li biex wettqu l-allegat serqa wettqu ħsara volontarja fuq il-propjetà ta’ terzi persuni u li kienu riċedivi.
Jonathan Degiorgio, ġie akkużat waħdu li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu b’rabta ma’ ħelsien mill-arrest li kien ingħata minħabba tliet reati passati u li fuqhom ngħata l-ħelsien mill-arrest.
Id-Difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest.
Il-Prosekuzzjoni arrestat lil Degiorgio l-Ġimgħa għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu filwaqt li Mifsud kien arrestat is-Sibt.
Din xehdet wkoll li ġew elevati filmati minn kameras tas-sigurtà li wrew lill-imputati jqattgħu madwar tliet kwarti fir-residenza fejn saret l-allegat serqa.
Degiogrio, għamel talba għall-ħelsien mill-arrest hekk kif il-fedina penali kellha biss ċitazzjoni.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-imputat jinsab akkużat bi ksur ta’ tliet bails filwaqt li nnotat li l-ktieb tal-bail tal-imputat ma nstabx.
Christopher Mifsud, ukoll għamel talba għall-ħelsien mill-arrest.
Madanakollu, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat hekk kif il-pedina penali tal-imputat hija waħda refattarja u biża’ ta’ intralċ tal-provi.
Id-difiża ta’ Mifsud argumentat li minkejja ftit ilu dan ħareġ mill-ħabs huwa għandu xogħol fiss u jinsab jirriforma ruħu hekk kif fost l-oħrajn jgħix għand it-tfajla tiegħu.
Fil-konfront taż-żewġ imputati, il-Qorti m’onoratx it-talba għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ imputati minħabba li m’humiex affidabbli u biża’ ta’ intralċ ta’ provi.