Il-liġi l-ġdida li qed jipproponi l-gvern biex tirregola l-ġurnalisti se tfisser it-tneħħija tal-libell kriminali, li jfisser li l-midja u l-esponenti tagħħa m’humiex se jibqgħu soġġetti għall-piena ta’ ħabs fil-qadi ta’ dmirijithom.
Se jitneħħa wkoll id-dritt ta’ kull mandat fil-konfront ta’ ġurnalist responsabbli. Differenza mill-Oppożizzjoni li trid tħalli l-libell kriminali u trid tneħħi biss il-mandat fuq il-kont tal-bank.
F’konferenza tal-aħbarijiet tal-Ministri Owen Bonnici u Evarist Bartolo, intqal li dan huwa frott ħidma li bdiet fl-2014 u hija wiegħda oħra elettorali li qed titwetaq mill- Gvern. L-Att Dwar il-Media u l- Malafama li issa se jkun fi stadju tat-tieni qari se tieħu l-post tal-liġi tal-istampa tal-1974.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, qal dan kollu qed isir f’kuntest li se tibda konsultazzjoni dwar ir-responsabbiltà etika tal-ġurnalist. Fejn il-libertà tal-espressjoni ma tfissirx tixrid ta’ mibegħda u tgħajjir bil-mard. Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici fakkar kif din turi d-differenza bejn dan il-gvern li qed jaġixxi u l-oppożizzjoni li f’25 sena gvern ma ħaditx dawn il-passi.
Il-liġi l-ġdida tagħti aktar protezzjoni lill- ġurnalisti la darba l- kumment ikun wieħed korrett u ġust. Intqal li b’aktar protezzjoni għall- ġurnalist il-liġi l-ġdida tagħti definizzjoni ċara ta’ x’hini opinjoni onesta għall- fini ta’ proċedura legali. Il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, qal li liġi proposta tinkludi wkoll emendi fil-libell ċivili.
Dan joffri aktar spazzju għal-libertà tal- espressjoni għall-ġurnalist, permezz ta’ limiti aktar wiesgħa ta’ dak li huwa ikkunsidrat bħala libelluż. Iżda, il- liġi tħarres ukoll d-dritt tas-salvagwardja tar-reputazzjoni ta’ persuni jew entitajiet.
F’dan ir-rgward id-danni morali li tista’ timponi l-qorti ċivili se jiżdiedu minn massimu ta’ €11,646.87 għal massimu ta’ €20,000.
Introduzzjoni oħra se tkun li jiġu mħeġġa mezzi alternativi biex jiġu risolti każi meqjusin inqas gravi. Dawn il- mezzi huma medjazzjoni, ftehim bejn il- partijiet, appoloġija jew il-każ jiġi deċiż f’seduta waħda. Din il-liġi ser tintroduċi wkoll l-kunċett ta’ inġurja jgifieri malafama li jkunu intqal b’malizzja bil-fomm (magħruf bħala slander) li se jkun qed isaħħaħ l- protezzjoni taċ-ċittadin, fejn persuna li tkun instabet ħatja li kawżat inġurja tista teħel sa massimu ta’ €10,000.
Dan l-Abozz ta’ liġi jżomm kunċetti mill-Att Dwar l- Istampa li għadhom relevanti għall-ġurnata ta’ lum, bħad-dritt tar-risposta u t-terminu stabbilit biex wieħed jkun jista jiftaħ libell u u l- kunċett tar-Reġistrar tal- Istampa fost oħrajn.
Il-liġi l-ġdida għandha skop u definizzjonijiet aktar wiesgħa biex filwaqt li tkun qed tirregola x-xandir u l-istampa, bħal ma dejjem sar, tinkludi regolamenti ġodda li jħarsu wkoll lejn siti elettroniċi, servizzi ta’ aħbarijiet onlajn u l-kummenti mil-pubbliku f’siti onlajn.