Se jitneħħa it-taxxa fuq il-kapital u t-taxxa tal-boll b’mod komplut fuq l-ewwel €750,000 tal-prezz tal-propjetà li tinsab f’żona ta’ konservazzjoni urbana, propjetajiet li ilhom mibnija għal aktar minn għoxrin sena iżda vakanti għal aktar minn seba’ snin jew għal dawk il-propjetajiet ġodda li se jibnew bi stil u arkitettura tipika u tradizzjonali.
First time buyers li jixtru dawn it-tip ta’ propjetajiet se jkunu qed jirċievu għotja addizzjonali ta’ €15,000.
Il-Ministru għall-Finanzi spjega li din il-miżura se tgħodd ukoll għal dawk li bħalissa għandhom konvenju u m’għalaqx il-kuntratt.
Ġie mħabbar ukoll li first time buyers li jixtru din it-tip ta’ propjetà ġewwa Għawdex se jieħdu għotja b’valur doppju ta’ €30,000.
Mill-għada tal-Budget, dawk li se jixtru jew diġà għandhom dawn it-tip ta’ propjetajiet se tkun qed tingħatalhom ukoll għotja fuq massimu ta’ €54,000 fuq valur ta’ VAT imħallas għall-ewwel €300,000 fi spejjeż ta’ restawr. L-iskemi tal-first u second time buyers u xiri ta’ propjetá ġo Għawdex se jkunu qed ikomplu iżda l-miżuri li kienu eżistenti biex jittaffa l-impatt tal-pandemija se jintemmu kif kien stipulat.