Il-piż tad-dejn lura għal kif kien disa’ snin ilu Il-piż tad-dejn bħala porzjon tal-Prodott Domestiku Gross niżel għal 60.4% biex treġġa’ lura għal kif kien f’Marzu 2008, disa’ snin ilu. Dan wara li matul l-aħħar leġiżlatura kien tela’ minn 60.4% tal-ġid nazzjonali għal 71.5%.
Żieda ta’ 11.1 %. L-istatistika tal-Eurostat tfisser li taħt din l-amministrazzjoni din iż-żieda ġiet eliminata għal kollox. Fl-aħħar sena biss kien hemm tnaqqis ta’ kważi 2.5% fir-rata ta’ dejn ta’ pajjiżna.
B’hekk skont il-Eurostat pajjizna kellu l-ħames l-akbar tnaqqis fid-dejn nazzjonali minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Skont il-Eurostat pajjizna rreġistra defiċit ta’ 0.5% biss fit-tielet kwart tal-2016, wara li għal żewġ kwarti konsekkutivi kien hemm surplus fil-kontijiet pubbliċi. Dan ifisser li d-dħul kien akbar mill-ħruġ fl-ewwel sitt xhur tal-2016.