Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni nieda l-MITA Student Placement Programme, konferma tal-appoġġ tal-Gvern għal dan il-programm u l-importanza li għandu għaż-żgħażagħ tagħna.
Filfatt il-programm hu mezz ta’ kif il-Gvern jiffaċilita l-ħolqien ta’ opportunitajiet tax-xogħol temporanju għal studenti fis-settur tal-ICT u għal din is-sena il-Gvern alloka 600,000. Schembri saħaq fuq li l-importanza ta’ programmi bħall-iStudent Placement Programme (SPP) huma prova ta’ kemm il-Gvern jinsab kommess li jagħti l-kapaċitá liż-żgħażagħ tagħna mhux biss billi joffrilhom sfond akkademiku b’saħħtu, iżda wkoll billi jipprovdilhom il-kunfidenza ħalli fil-futur jidħlu fid-dinja tax-xogħol ippreparati sew għall-isfidi li jiltaqgħu magħhom.
Silvio Schembri ħeġġeġ lil min iħaddem mis-Settur Privat, Servizz Pubbliku/Settur Pubbliku u NGOs biex jipparteċipaw fil-programm, u jkunu parti attiva minn dan il-vjaġġ eċċitanti li qed jipprovdi esperjenza unika fuq il-lant tax-xogħol liż-żgħażagħ tagħna, filwaqt li jgħin fl-iżvilupp tal-ħaddiema tal-futur.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-MITA, is-Sur Tony Sultana stqarr li permezz ta’ dan il-programm, fl-aħħar erba’ snin, il-MITA flimkien mal-imsieħba li jħaddmu fis-setturi kollha kienu kapaċi joffru 1,300 post tax-xogħol li jagħti esperjenza sinifikanti tal-industrija tal-ICT u l-industrija li tuża l-ICT.
Din ifisser investiment ta’ €1.9 miljun li permezz tagħhom l-istudenti bbenefikaw minn din l-esperjenza pożittiva.
Din is-sena l-MITA qiegħda timmira li ssib 400 post tax-xogħol. Dan se jkun jista’ jinkiseb billi jingħata appoġġ kontinwu lill-imseħbin tagħna li jħaddmu fl-industrija privata, fis-Servizz Pubbliku/Settur Pubbliku u NGOs.