Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li l-Ministeru qed iniedi t-tieni edizzjoni tal-Work Trial Scheme For Youths. Din l-iskema hi mmirata għaż-żgħażagħ biex dan is-Sajf ikollhom opportunità jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol ma’ entitajiet privati u organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Il-Ministru Justyne Caruana ħabbret din l-iskema waqt li kienet qed tindirizza attività fl-iskola sekondarja f’Għawdex li fiha pparteċipaw numru ta’ studenti li temmew b’suċċess l-edukazzjoni sekondarja tagħhom. Il-Work Trial Scheme for Youths timmira li tintroduċi liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-20 sena, kif ukoll studenti li jattendu korsijiet f’diversi entitajiet akkademiċi fid-dinja tax-xogħol u tgħinhom ukoll fl-għażla tal-karriera tagħhom. Dawn iż-żgħażagħ se jkollhom l-opportunità jidħlu u jesploraw id-dinja tax-xogħol, biex b’hekk jiksbu l-esperjenza neċessarja għall-futur tagħhom.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-Gvern, apparti li qed jinvesti ħafna fiż-żgħażagħ qiegħed ukoll jagħti widen u jilqa’ s-suġġerimenti u l-messaġġ b’saħħtu li qed tgħaddi din il-faxxa hekk importanti fis-soċjetà. Il-Ministru Justyne Caruana semmiet kif kull ma jmur id-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’mod drastiku u għalhekk jeħtieġ li l-istudenti jkunu mħarrġa u mgħarrfa bl-opportunitajiet li jeżistu.
Il-Ministru kompliet tgħid li l-istudenti jistgħu jaħdmu kemm mal-privat kif ukoll ma’ għaqdiet volontarji, biex b’hekk jiżdiedu l-valuri kemm tal-ħidma kif ukoll tar-rispett u s-solidarjetà. Permezz ta’ din l-iskema, l-istudenti se jkollhom qliegħ ta €75 fil-ġimgħa, b’total ta’ €375 f’ħames ġimgħat.
L-iskema se ssir mis-6 ta’ Awwissu li ġej sas-7 ta’ Settembru, u l-applikazzjonijiet se jkunu miftuħin mit-Tnejn 2 ta’ Lulju sal-Ġimgħa 14 ta’ Lulju. L-applikazzjonijiet huma disponibbli online minn fuq is-sit www.mgoz.gov.mt jew mill-mobile app ‘mygozo’.