Issa għandek sit elettroniku ieħor minn fejn tista’ tagħmel ix-xiri jew titlob għal xi servizz, grazzi għal inizjattiva mis-settur privat biex titnieda l-pjattaforma okmalta.com.
Mark Bugeja, is-sid ta’ okmalta qal li din se twitti triq wiesgħa għall-bejjiegħa u n-negozji lokali, u se tagħti ċans ukoll lil bejjiegħa żgħar jagħmlu l-istess mingħajr ma jkollhom jinvestu fi pjattaforma tagħhom stess. Spjega wkoll li l-bejjiegħa se jkollhom kontroll totali tal-ħwienet tagħhom, u se jkun żgurat li l-ħwienet ikollhom sehem ġust mill-konsumaturi kuljum.
Huwa spjega: “Qed niġrbu businesses lokali biex jiftħu ħanut fuqha għall-benefiċċju tal-konsumatur. Inħeġġiġhom biex jibqgħu jużaw okmalta.com, u jibqgħu jixtru minn negozji lokali biex il-lokal ikompli jikber.”
Dorian Galea minn Mġarr Farms, spjega kif in-negozju kellu rispons eċċellenti mill-klijenti hekk kif nieda pjattaforma diġitali għas-servizzi, u semma kif inizjattivi bħal dawn iħeġġu l-effiċjenza fis-servizz li jingħata.
Huwa qal, “Kellna impatt tajjeb ħafna mill-konsumatur, ir-rikjesti żdiedu u aħna nagħmlu minn kollox biex inkunu effiċjenti u nagħtu servizz aħjar. Nemmen li okmalta se tgħaqqad aktar lis-suq lokali u toħloq vantaġġ akbar biex il-konsumatur jixtri online.”
Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, li ddeskriva dan is-sir bħala portavuċi b’saħħitha għan-negozji lokali. Hawn irrefera wkoll għal studju mill-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni, li wera kif il-maġġoranza tagħna nagħmlu x-xirijiet minn pjattaformi diġitali, anke jekk irridu prodotti jew servizzi varji.
Il-Ministru Schembri stqarr: “Għalhekk irridu naraw li bħala Gvern mhux biss iħeġġu imma nappoġġjaw inizjattivi bħal dawn fejn negozji jmorru fuq pjattaformi diġitali. Il-midja soċjali u l-pandemija aċċelleraw dan il-proċess, u rridu naraw li nżommu maż-żminijiet u noffru opportunitajiet ħafna akbar lin-negozji tagħna, speċjalment dawk in-negozji żgħar qabel ma jirrealizzaw li t-teknoloġija tista’ wkoll iġġibhom ħafna aktar effiċjenti u tnqqas l-ispejjeż. Dan ifisser qligħ aħjar għall-prodott tagħhom.”