Ġie ppubblikat uffiċjalment il-ktieb ‘Il-Misteru tas-Sinjali’. Dan il-ktieb, fuq inizjattiva ta’ MaritimeMT, għaqqad l-isforzi ta’ numru ta’ entitajiet li flimkien ħadmu fuq dan il-proġett edukattiv.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett irringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom biex jiġi mniedi dan il-ktieb li huwa ddeskriva bħala investiment fit-tfal tagħna u l-ġenerazzjoni li jmiss. “Għalkemm il-ktieb huwa immirat għaż-żgħar, il-protezzjoni tal-ambjent marittimu tagħna hija r-responsabbiltà ta’ kulħadd. Il-baħar hu wieħed mill-isbaħ teżori li għandna u li għalhekk għandna l-obbligu li nwasslu messaġġ ukoll dwar is-sostenibbiltà u l-konservazzjoni tal-oċeani tagħna”, sostna l-Ministru Bonett.
Il-ktieb, li huwa immirat lejn adoloxxenti ta’ bejn it-tnax u t-tlettax-il sena, jirrigwarda avventura ta’ żewġ kuġini li flimkien maz-zija tagħhom ibaħħru madwar il-Mediterran. L-għan huwa li permezz ta’ din l-istorja jitqajjem għarfien ikbar dwar l-importanza tal-baħar bħala mezz ta’ trasport, sors ta’ ħajja u opportunità għal ġejjieni aħjar.
Miktub mill-għalliema u awtriċi lokali, Claudia Micallef, il-ktieb qed jiġi ppubblikat kemm bil-Malti u bl-Ingliż biex b’hekk jilħaq firxa akbar tas-soċjetà Maltija. F’kelmtejn tal-okkażjoni, hija spjegat li permezz tal-kitba tagħha tixtieq mhux biss tqajjem interess fuq l-ekonomija blu iżda wkoll tħajjar lit-tfal jikkunsidraw is-settur marittimu bħala għażla oħra importanti fl-opportunitajiet li joffri pajjiżna.
F’kummenti li tat il-Kap Eżekuttiv ta’ MaritimeMT, Pauline Micallef, saħqet li din l-inizjattiva tkompli turi l-importanza tar-rwol li Malta għandha fl-ekonomija blu u kif is-settur marittimu jista’ jikkontribwixxi b’mod sostenibbli għat-tkabbir fl-ekonomija tal-pajjiż.
Ritratti (DOI/MTIP)