Waqt it-tnedija tal-kampanja tal-kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew, Lorna Vassallo, attendiet folla mdaqqsa li laqgħu bil-kbir lill-Mexxej Laburista, Joseph Muscqat, f’lukanda fil-Qawra.
Id-Deputat Mexxej u Ministru tas-Saħħa, l-Onor. Chris Fearne, is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, l-Onor. Anthony Agius Decelis u l-Membru Parlamentari Glenn Bedingfield, ilkoll taw id-diskorsi tagħhom għall-okkażjoni.
Lorna Vassallo fetħet id-diskors billi rringrazzjat lill-pubbliku preżenti u lill-politiċi li attendew.
Hija qalet illi din se tkun l-ewwel elezzjoni tal-Parlament Ewropew li ser tikkoinċida mal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kollha.
Huwa fl-interess ta’ kull wieħed u waħda minna li nivvutaw ħalli nagħżlu min imexxi kemm fuq il-livell lokali u kif ukoll dak Ewropew.
Fakkret ukoll li huwa importanti li kulħadd jivvota għall-kandidati kollha.
L-Onor. Glenn Bedingfield tkellem ukoll dwar l-importanza li kull votant joħroġ jivvota għall-elezzjonijiet li ġejjin u jikkonvinċi lil ħaddieħor jagħmel l-istess, fost oħrajn għaliex il-Partit Laburista ppreżenta grupp b’kandidati ta’ ħila kbira, bħal fil-każ ta’ Lorna, li ladarba titla’ żgur se tirrappreżentana b’unur fil-Parlament Ewropew.
L-Onor. Anthony Agius Decelis qal li ilu li ltaqa’ ma’ Lorna Vassallo fuq ħidma mal-Partit Laburista mill-bidu tas-snin 2000.
Dejjem apprezza kemm taħdem b’dedikazzjoni u l-lealtà inkundizzjonata tagħha lejn il-partit matul żmenijiet u ċirkustanzi differenti.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne tkellem dwar kif illum id-diversifikazzjoni hija r-regola.
Kull kumpanija trid tipproduċi prodotti differenti biex tolqot il-gosti ta’ klijenti differenti. U l-istess fil-politika.
Huwa importanti ferm li l-Partit joffri kandidati bi kwalitajiet differenti minn xulxin ħalli jolqot il-gosti ta’ firxa usa’ tal-elettorat.
B’Lorna Vassallo parti mit-tim żgur li t-tim iggwadanja ħafna u dan għamel l-għażla ta’ kandidati iktar għanja.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat għalaq id-diskorsi billi qal li matul iż-żmien illi ilu jaf lil Lorna Vassallo dejjem ra fiha persistenza li għandu jkollu xi ħadd involut fil-politika.
Din hija kwalità importanti ħafna fil-politika billi l-politiku irid jibqa’ jiġġieled għal dak li jemmen li hu sewwa u fl-interess tal-pajjiż u ċ-ċittadini tiegħu.