Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex huwa promotur u sponsor ewlieni ta’ din l-attività organizzata mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra. Hija tkellmet dwar kif hija missjoni tal-Ministeru għal Għawdex li jippromwovi lil Għawdex b’diversi modi bħala prodott distint u uniku permezz ta’ attivitajiet simili. Fil-fatt, matul dawn l-aħħar xhur saru diversi attivitajiet tematiċi li wasslu għal tkabbir ekonomiku u żieda fin-numru ta’ turisti. Il-Ministru Justyne Caruana qalet li għaddejja ħidma kbira mill-Ministeru għal Għawdex biex il-prodott agrikolu u gastronomiku Għawdxi wkoll jiġi promoss biex jagħti valur miżjud lil Għawdex.
Hija rringrazzjat lill-kunsill lokali mmexxi minn Joe Cordina, lit-team ħabrieki nvolut fl-organizzazzjoni, kif ukoll lis-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri, li wkoll ingħaqad fl-apprezzament tiegħu għal din l-attività.
“Jien ninsab kommess li fil-ħidma tiegħi bħala Segretarju Parlamentari npoġġi l-kwalità u s-saħħa tal-prodott naturali Malti fuq quddiem billi nkompli nagħti dimensjoni akbar u nsaħħu. Nittama li dan ix-xogħol mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra, flimkien ma’ inizjattivi oħra meħuda minn entitajiet mhux governattivi, jgħinu biex jiġu megħluba l-ħafna problemi li qed jolqtu lis-siġra tat-tin, u li l-frotta tagħha hi tant mixtieqa mill-poplu Malti u Għawdxi”, qal is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri.
Is-Sindku Joe Cordina qal li din l-attività ilha ssir mill-2010 u li kull edizzjoni qed tkun ta’ suċċess billi jkun hemm innovazzjoni u elementi ġodda ta’ kull sena. Ir-raħal tax-Xagħra hu sinonimu ma’ dan il-festival, u filwaqt li rringrazzja lil kull min ta s-sehem tiegħu, stieden lill-pubbliku biex jattendi bi ħġaru.
Ritratti: MGOZ