Il-Ministeru għall-Kultura permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Każini tal-Banda nedew fond ġdid immirat għax-xiri ta’ strumenti mill-każini tal-baned Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li dan il-fond se jkompli jsaħħaħ ix-xogħol li jagħmlu s-Soċjetajiet Mużikali biex tiġi promossa aktar il-mużika fil-komunitajiet. Il-fond jista’ jkopri sa 85% tal-ispiża totali tal-proġett.
Il-Ministru Bonnici stqarr: “Is-soċjetajiet mużikali issa jistgħu japplikaw biex jixtru ċertu strumenti li aħna nafu li kienu jsibu diffikultà biex jixtru għax jiswew ħafna u huma pjuttost rari pereżempju cor anglais u dawn it-tip ta’ strumenti li huma sbieħ ħafna imma l-baned dejjem xtaqu li jkollhom aċċess biex jixtruhom u dawn b’hekk ħa jixtruhom.”
Il-Ministru spjega wkoll kif inizjattivi bħal dawn tas-soċjetajiet mużikali jagħmlu s-settur kulturali u artistiku aktar aċċessibbli għal kulħadd.
“Peress li s-sehem tal-fond speċjalizzat għall-baned, il-baned jistgħu japplikaw għall-fondi l-oħrajn mingħajr ma jitolbu li jixtru strumenti għax issa hemm dan il-fond u allura jilliberalhom fondi oħrajn li se jkunu jistgħu jibbenefikaw bi skemi apposta li hemm għas-soċjetajiet Maltin”, sostna Dr. Bonnici.
Il-proposti mis-soċjetajiet mużikali jistgħu jitressqu sat-3 ta’ Diċembru.