Ġiet varata t-tieni edizzoni tal-iskema Stem Community Fund, li se tgħin organizzazzjonijiet eliġibbli sabiex jimplimentaw fil-komunità proġetti relatati max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, u l-matematika – magħrufa bit-terminu STEM.
Organizzazzjonijiet li jingħaqdu ma’ riċerkatur jew professjonist f’ dan il-qasam jistgħu jibbenefikaw minn sa massimu ta’ €8,000 kull proġett.
L-iskema tnediet mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, waqt konferenza tal-aħbarijiet.
In-National STEM Community Fund huwa mmexxi mill-iSTEM Engagement Working Group, taħt id-direzzjoni taċ-ċentru xjentifiku u interattiv, l-Esplora, fi ħdan il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq dwar l-importanza ta’ inizjattivi simili, biex aktar nies ikomplu jersqu lejn is-suġġetti STEM.
“Kien ta’ unur għalija li, għat-tieni darba, nedejna din l-iskema ta’ STEM fil-komunità. Bi STEM qed nifhmu suġġetti tax-xjenza, teknoloġija, inġinerija, u matematika. Nafu, meta nitkellmu fuq ekonomija sostenibbli u kompetittiva, nafu kemm is-suq tax-xogħol qed jitlobna ħaddiema b’dawn il-kwalifiċi. Għalhekk, aħna qed inkomplu nxerrdu, inħeġġu, aktar żgħażagħ u studenti tagħna jagħżlu dawn is-suġġetti.”
Huwa spjega wkoll l-importanza tax-xogħol tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST, bil-għan li jippromwovi s-suġġetti STEM f’pajjiżna.
Il‑Kap Eżekuttiv tal‑MCST, Silvio Scerri, saħaq fuq l-impenn tal-Esplora biex tqarreb ix-xjenza lejn is-soċjetà.
“Dan huwa fond interessanti, għax hemm allokat fih €24,000. Wieħed jista’ jieħu sa massimu ta’ €8,000 għal kull proġett. Dawn il-proġetti, wieħed jista’ jallaċċja ruħu ma’ nies li hemm fix-xjenza, riċerkaturi, u jagħmel proġett illi iwassal biex jieħu dawn il-fondi.”
Organizzazzjonijiet eliġibbli, inklużi l-iskejjel u l-għaqdiet volontarji, jistgħu japplikaw fuq is-sit elettroniku tal-Esplora. L-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-24 ta’ Marzu.