Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri ħabbar li għaddejja ħidma biex jinbeda proċess ta’ ttestjar għall-użu ta’ muniti diġitali fl-industrija tal-logħob.
Waqt it-tnedija ta’ app ġdida għas-suq tal-propjetà li taħdem permezz tat-teknoloġija blockchain, li saret minn kumpanija privata bl-isem ta’ Ledger Projects, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri spjega kif se jkun ittestjat l-użu ta’ cryptocurrencies fl-iGaming permezz ta’ Sandbox. Min ikun qed jilgħab se jkun jista’ jħallas u jitħallas lura permezz ta’ muniti diġitali tal-għażla tiegħu.
“Qed inniedu inizjattivi innovattivi li juru li pajjiżna qabad sew ir-ritmu biex jadotta t-teknoloġija blockchain f’ diversi setturi,” qal Schembri. Is-Segretarju Parlamentari tenna l-viżjoni tal-gvern, dik li t-teknoloġija blockchain tkun użata sabiex servizzi offruti mis-settur pubbliku jsiru aktar effiċjenti.
L-app li hija immirata għas-settur tal-propjetà għandha l-isem ta’ LP01, taħdem fuq blockchain u saret minn Ledger Projects, kumpanija Maltija li tiżviluppa soluzzjonijiet li jaħdmu b’ din it-teknoloġija. Din is-soluzzjoni se tiffaċilità x-xogħol tan-nutara fix-xiri, bejgħ u trasferiment ta’ propjetà. Permezz ta’ soluzzjonijiet bħal dawn, il-Gvern jista’ wkoll ikollu informazzjoni real-time fuq dak li jkun għaddej fis-suq, filwaqt li jista’ jsir aktar effiċjenti u trasparenti l-ħlas ta’ taxxa fuq trasferimenti ta’ propjetà.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Ledger Projects David Schranz u l-intraprenditur Anthony Mamo stqarrew li bl-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda f’pajjiżna bħal blockchain, Malta se tkompli ssir ċentru ta’ eċċellenza. L-app hija diġà ttestjata u tista’ tkun irreplikata f’oqsma oħra bħal blockchain.
Dan hu l-ewwel prodott mill-kumpanija Ledger Projects li sar minn grupp esperti Maltin u li għandhom għal qalbhom l-innovazzjoni.