“Nirrealizzaw li l-ordinarju huwa straordinarju”.
Din hija t-tema tas-seba’ edizzjoni tal-Festival “The Three Palaces”, li se jittella’ fil-Belt, fl-Imdina u fin-Naxxar bejn l-1 u l-10 ta’ Novembru.
Id-direttur ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, spjegat il-ħsieb wara din l-istess tema.
Stivala stqarret: “Dak li aħna mdawrin bih kuljum, bħal dawn il-palazzi, għal dan il-Festival qed nagħmluhom aktar speċjali billi nagħmlu dawn il-proġetti uniċi li dak li jkun jista’ jieħu esperjenza ta’ darba.”
F’diversi palazzi u mużewijiet ewlenin f’pajjiżna, se jittellgħu tnax-il attività ta’ mużika, żfin u teatru, li jiggarantixxu temi li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.
Xi ħaġa ġdida u differenti mis-soltu hija “The Orfeo Experience”, li se tittella’ fl-1 ta’ Novembru fil-Każin Malti fil-Belt.
Stivala tenniet: “The Orfeo Experience hija proġett li bniedem mhux ħa jkun bilqiegħda imma ħa jkollu jesperjenza ta’ tieġ, għax huwa tieġ u kull min ħa jiġi biex jesperjenza dan il-proġett ħa jkun qiegħed qisu f’tieġ, bilwieqfa, jiekol xi ħaġa wkoll, u hemm dil-esperjenza u aktar affarijiet li wieħed se jesperjenza dakinhar.”
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li dan il-festival mhux biss iservi ta’ pjattaforma għall-artisti lokali biex jesebixxu t-talent tagħhom, imma joffri wkoll mod uniku biex il-pubbliku jesperjenza l-mużika u l-arti f’binjiet mill-isbaħ li jġorru magħhom snin ta’ storja.
Il-Ministru Owen Bonnici qal “Għall-ewwel, il-kunċett kien ta’ tliet palazzi Presidenzjali, baqa’ jevolvi tul is-snin biex intellgħu programmi ta’ kwalità, ta’ eċċellenza, li aħna rridu li n-nies jiġu, jattendu u jieħdu gost igawdu t-talent Malti, it-talent artistiku u anki s-sbuħija tal-patrimonju ta’ pajjiżna.”
Il-programm kollu tal-avvenimenti jinsab fuq is-sit elettroniku ta’ Festival Malta.