Tnediet il-ħames edizzjoni tal-kompetizzjoni fuq livell nazzjonali Code.Sprint, li permezz tagħha studenti tas-sekondarja u postsekondarja jkunu jistgħu jagħmlu proġetti ta’ coding.
Għal din is-sena l-kompetizzjoni, li qed issir b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u ICE Malta, hija miftuħa wkoll għal software developers.
Kull min itemm din il-kompetizzjoni se jkun akkreditat b’MQF level 3 u għalhekk, apparti l-premijiet għar-rebbieħa, kull student se jkolli ċertifikat ta’ akkreditazzjoni.
L-għan prinċipali ta’ din il-kompetizzjoni huwa li l-istudenti jkollhom l-opportunità li jaħdmu fuq proġett li jgħinhom jidħlu fis-settur tat-teknoloġija f’pajjiżna.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, tkellem dwar kif din il-kompetizzjoni tgħti għodda lill-istudenti, li lil hinn mill-bank tal-iskola jkunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.
Il-Ministru Grima qal li b’hekk l-istudent ikabbar l-għarfien tiegħu mhux billi jistudja bl-amment, iżda billi jfittex soluzzjonijiet għall-problemi li jaffaċċja.
Kull min huwa interessat japplika għal din il-kompetizzjoni, jista’ jagħmel dan billi jidħol fuq is-sit codesprint.edu.mt