Tnax-il resident u tmien uffiċjali fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jaħmu mal-elf u ħames mitt qagħqa tal-Appostli kuljum, flimkien ma’ ħelu ieħor relatat ma’ dan il-perjodu tar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa.
Kull kwarta, quddiem il-kjosk li ntrama’ apposta quddiem il-Faċilità Korrettiva, jasal vann li jagħmel ġurnata ġej u sejjer bi tliet tilari ta’ ħamsa u għoxrin qagħqa ’l wieħed ma’ kull vjaġġ.
Dawn ikunu friski malli joħorġu mill-forn, li huwa fost l-aktar antiki fl-Ewropa, wara li jkunu għamlu għoxrin minuta jinħmew.
L-Ispettur Anzjan, Charles Bonnici spjega magħna l-proċess li qed isir fil-forn tal-Faċilità sa mis-sigħat bikrin tal-ġurnata.
Qal, “Bħalma wieħed jista’ jimmaġina, bħalissa l-proċess huwa busy immens. Għandna tim ta’ tnax-il resident mgħejjuna minn żewġ furnara li huma gwardjani, li jaħdmu l-bakery, imbagħad għandna tim ieħor li jaħdem il-pasti għax introduċejna l-pasti, kejkijiet, kannoli, biex dejjem indewqu xi ħaġa bnina f’dawn iż-żminijiet.”
Lil hinn mir-rispons pożittiv ħafna tan-nies li sa minn kmieni filgħodu jinġabru quddiem il-Faċilità jistennew il-qagħaq sħun hekk kif joħroġ mill-forn, anki r-residenti li jaħmuhom huma kburin ħafna b’xogħolhom.
Mhux biss qed ikollhom skop waqt li jiskontaw is-sentenza tagħhom, imma wħud minnhom qed jiżviluppaw ħiliet li jistgħu jużaw meta joħorġu lura fil-komunità.
Resident partikolari saħansitra qed jaspira li jiftaħ forn malli jiskonta s-sentenza.
Qal, “Ir-residenti huma mmotivatissimi, immotivati ħafna anzi jippruvaw jiġġieldu biex ilaħħqu mad-domanda. Iqumu fis-siegħa ta’ filgħodu dawn, jorqdu wara l-ħamsa wara li jkunu kielu għax imbagħad ninżlu b’tim ieħor biex naħslu u niddiżinfettaw il-post fejn inkunu ħdimna jiġifieri aħna dan ongoing qegħdin bħalissa.”
Din mhix l-ewwel darba li Charles Bonnici qed imexxi din l-inizjattiva ta’ għan nobbli għaliex kull sena, il-fondi miġbura jgħinu għanijiet partikolari.
Qal, “Aħna l-iskop primarju tagħna huwa li nagħtu dinjità lix-xogħol li jsir hawn ġew u li lir-resident nagħtuh tagħlim li jista’ jagħmel xogħol dinjituż barra jiġifieri irrelevanti kemm huma l-flus li jistgħu jinġabru għax il-flus dejjem jinġabru għal skop nobbli imma l-iskop primarju tagħna huwa li iva, hemm ħajja hemm barra, tista’ taħdem u jkollok job dinjituż u tagħmilha bħalma għamilniha aħna.”
Il-bejgħ ta’ dawn il-qagħaq se jibqa’ għaddej f’Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira u f’Sibt il-Għid, mit-tmienja ta’ filgħodu sal-erbgħa ta’ waranofsinhar. F’Ħadd il-Għid, il-kjosk se jkun miftuħ sa nofsinhar.