Il-Pulizija dalgħodu żammet minn tal-anqas tnax il-persuna mil-Lvant tal-Ewropa arrestati f’vann tal-passiġġieri wara li f’dawn l-aħħar ġimgħat kienet qed issus wara l-passi tagħhom.
Dan il-grupp kriminali kien involut f’sensiela ta’ serqiet magħrufa bħala pick pocketing minn diversi postijiet f’Tas-Sliema u San Ġiljan.
One News segwa mill-qrib l-operazzjoni li seħħet f’Tas-Sliema kmieni waranofsinhar u li matulha, ix-xufier tal-minibus deher maħsud u ma setax jifhem x’kien qed jiġri quddiem għajnejh wara li uffiċjal tal-pulizija daru mal-vettura u ċċirkondawha.
Pulizija rnexxielha tkisser ċirku kriminali wara li minn tal-inqas tnax il-persuna fil-biċċa l-kbira tagħhom mil-Lvant tal-Ewropa, ġew arrestati mill-Pulizija wara li kienu involuti f’sensiela ta’ serqiet fl-inħawi ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan.
Sorsi qrib il-korp tal-Pulizija qalu ma’ One News li l-persuni jagħmlu parti minn grupp kriminali ġejjin mill-Bulgarija u li qed iduru pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għall-iskop uniku li jisirqu t-turisti u persuni li jkunu qed jistennew karozzi tal-linja.
Kien għall-ħabta tan-nofs siegħa li l-pulizija waslu fi Triq Graham u ċċirkondaw vann li kien mimli b’persuni barranin.
Xhieda fuq il-post qalu lil One News li hekk kif il-vann kien f’nofs ta’ triq, il-pulizija intervjenew b’mod immedjat biex qalgħu ċ-ċavetta mill-vann.
Fl-istess waqt għadd ta’ pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit daru miegħu u telgħu jarrestaw lill-persuni li kienu abbord.
Bl-unika persuna li ma jiġiex arrestat ikun ix-xufier tal-vann li għal bidu ma setax jifhem x’ kien qed jiġri, u kif ukoll żewġt itfal li kienu mat-tnax il-persuna fil-vann. Minħabba li l-ġenituri tat-tfal ġew arrestati t-tfal ittieħdu mill-Appoġġ sabiex jinstabilhom post alternattiv fejn joqgħodu.
One News jinsab informat li l-pulizija kkonfiskat għadd ta’ oġġetti li nstabu waqt tfittxija li saret fil-kmamar tal-lukanda li kienu qed joqogħdu fihom il-barranin arrestati.
Din l-operazzjoni kienet waħda konġunta bejn id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, il-Pulizija tad-Distrett u r-Rapid Intervention Unit.
Il-ġlieda tal-Pulizija kontra l-‘Pick-Pocketing’ ilha għaddejja għal dawn l-aħħar xhur, hekk kif dan il-fenomenu reġa’ beda jgħolli rasu f’dawn l-aħħar snin konsegwenza ta’ influss ta’ barranin l-aktar f’żoni bħal Tas-Sliema u San Ġiljan.
Sorsi qrib il-pulizija ddeskrivew lil dawn il-persuni bħala Roaming Organized Criminals li fil-mira tagħhom għandhom ukoll postijiet ta’ divertiment u li minnu qed iddaħħlu kemxa kbira ta’ flus.
Filfatt, ftit tal-jiem ilu l-Pulizija arrestaw żewġ nisa Bulgari li nqabdu fil-fatt jisirqu portmoni ta’ mara mill-istess żona waqt li kienet qed tistenna tal-linja.
In-nisa tressqu l-Qorti u ġew ikkundanati xahrejn ħabs.
Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Francesco Depasquale saħaq li s-soċjeta trid tiġi protetta u f’dan il-kuntest huwa kien ordna piena ta’ priġunerija effettiva.