Bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena, naqsu l-aċċidenti tat-traffiku li fihom indarbu n-nies. Dan meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Dan ħareġ minn statistika tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika li wriet kif dawn it-tip ta’ aċċidenti naqsu bi ikważi ħamsa fil-mija.
Il-każi kollha, kemm dawk li ndarab xi ħadd fihom kif ukoll dawk żgħar, ammontaw għal erbat elef, tliet mija u wieħed u ħamsin.
Fil-perjodu msemmi l-persuni midrubin gravi ammontaw għal mija u ħmistax, u kienu jinvolvu sitta u sittin xufier, sittax-il passiġġier u tlieta u tletin persuna li kienu mexjin fit-triq jew ċiklisti. Wieħed minn dawn kien aċċident fatali.
L-NSO turi wkoll kif matul it-tielet kwart tas-sena, l-imwiet mill-aċċidenti tat-traffiku naqsu b’ħamsa meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Il-maġġoranza ta’ dawk li ndarbu gravi kienu rġiel.
Fir-rigward tal-gruppi tal-età, l-ogħla ammont ta’ dawk midruba kellhom bejn sitta u għoxrin, u erbgħin sena.
L-akbar għadd taʼ aċċidenti nvolva karrozzi tal-passiġġieri. Warajhom, segwew l-aċċidenti bil-muturi u vetturi tal-ġarr tal-merkanzija.
L-akbar ammonti ta’ aċċidenti seħħew fil-jiem tal-Ġimgħa u t-Tnejn.
Il-maġġoranza tal-aċċidenti tat-traffiku seħħew bejn id-disgħa ta’ filgħodu u nofsinhar, b’aktar minn elf każ; segwiti minn dawk li ġraw bejn it-tlieta u s-sitta ta’ waranofsinhar bʼdisa’ mija u erbatax-il każ.
L-ogħla numru taʼ aċċidenti tat-traffiku kienu rreġistrati fʼSan Pawl il-Baħar, f’Birkirkara u f’Ħal Qormi.
Taʼ Kerċem, il-Fontana u San Lawrenz f’Għawdex irreġistraw anqas minn ħames aċċidenti tat-traffiku.