L-infezzjonijiet bl-MRSA f’pajjiżna naqsu b’90% fl-aħħar snin. L-MRSA hija infezzjoni reżistenti għall-antibijotiċi, li hija komuni fl-isptarijiet. Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza f’pajjiżna bejn iċ-Chief Medical, Chief Dental, u Chief Nursing Officers tal-istati membri Ewropej.
Fl-2009, l-MRSA f’Mater Dei kienet tinstab f’żewġ każijiet fuq kull 1,000, filwaqt li s-sena li għaddiet l-MRSA nstabet 0.16 fuq kull 1,000 każ f’Mater Dei. “Il-miżuri li ttieħdu fl-isptarijiet tagħna fl-aħħar snin f’dak li għandu x’jaqsam kontroll ta’ infezzjonijiet, fosthom b’kampanji edukattivi intensivi qalb il-pazjenti, staff u staff kliniku fl-isptarijiet tagħna dwar l-importanza tal-ħasil tal-idejn minn każ għall-ieħor wassal għal dan is-suċċess,” qal il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Waħda mit-temi diskussi fil-konferenza tal-lum kienet it-theddida ta’ reżistenza għall-antibijotiċi, problema li hija akbar fil-pajjiżi tal-Mediterran, u li tista’ twassal għall-aktar infezzjonijiet simili għall-MRSA.
“Huwa għal dan il-għan li rridu nibqgħu għaddejjin bil-kampanji tagħna biex innaqqsu l-użu tal-antibijotiċi bla bżonn, u fl-istess ħin nipprevjenu u nikkontrollaw l-infezzjonijiet. Ir-riżultati daqstant pożittivi fejn jidħol MRSA f’Mater Dei huma l-ewwel tax-xorta tagħhom fi sptar fil-Mediterran,” qal il-Ministru Fearne.