Għad-disgħa xahar konsekuttiv komplew jonqsu n-nies jirreġistraw għax-xogħol b’ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li sal-aħħar ta’ Settembru li għadda, il-persuni jirreġistraw għax-xogħol naqsu bi 8% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
Iċ-ċifri tal-NSO pprovduti mill-aġenzija tax-xogħol JobsPlus juru li matul Settembru li għadda, il-persuni qiegħda naqsu b’145 ruħ biex sal-aħħar tax-xahar kien hemm 1,668 persuna jirreġistraw għax-xogħol.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll li l-qgħad naqas fil-kategoriji kollha bl-aktar tnaqqis kien irreġistrat fost dawk li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal aktar minn sena.
Iċ-ċifri juru wkoll li matul Settembru naqas b’17 oħra, il-qgħad fost il-persuni f’diżabilità biex illum hemm 227 persuni b’diżabilità jirreġistraw għax-xogħol. Dan bis-saħħa ta’ diversi programm li daħħal il-Gvern fl-aħħar snin li għenu bil-bosta biex anke persuni b’diżabilità jidħlu fis-suq tax-xogħol.