Matul dan ix-xahar ġie rreġistrat tnaqqis qawwi fl-użu tal-borża s-sewda meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Statisika tal-Wasteserv turi li matul Novembru tas-sena li għaddiet inġabru b’kollox 9,594 tunnellata, filwaqt li matul dan ix-xahar inġabru 6,903 tunnellata. Dan huwa tnaqqis ta’ 2,691 tunnelata.
Matul l-istess perjodu żdiedu wkoll il-boroż tar-riċiklaġġ miġbura. Fil-fatt, f’Novembru tal-2017 inġabru 1,254 tunnellata ta’ skart riċiklabbli. Din iċ-ċifra żdiedet għal 1,827 tunnellata, żieda ta’ 573 tunellata.
Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan ir-riżultat fl-ewwel xahar mindu bdiet titħaddem is-sistema tas-separazzjoni fil-ġbir tal-iskart u fakkar kif din kienet sfida ewlenija għall-Gvern sabiex pajjiżna jkun konformi ma’ standards Ewropej:
“Wieħed irid japprezza li għandna t-targets x’nilħqu Ewropej. Konna lura ħafna u kien wasal iż-żmien li nieħdu deċiżjonijiet iebsin”.
Il-Ministru Herrera saħaq ukoll li huwa kuntent li qed jiżdied ukoll l-ammont ta’ boroz bi skart organiku:
“Komdu ħafna bil-fatt li l-materjal organiku li qed jinġabar qiegħed dejjem jiżdied, kull xahar qed jiżdied u naħseb dak li nixtieq nagħmlu sa żmien sena, naslu għalih”.
Intant l-isfida tal-iskart kienet fost diversi oqsma ambjentali trattati f’rapport ġdid dwar l-istat tal-ambjent ippubblikat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Ir-rapport juri li bejn l-elfejn u tmienja u l-elfejn u ħmistax inħarġu aktar minn erbat elef permess fis-sena. Ir-rapport juri wkoll li matul l-2015 ġie rreġistrat l-ogħla numru ta’ postijiet li ġew ikkonvertiti sa mis-sena 2000. L-awotrità qalet li dan kien dovut l-aktar għall-eżenzjoni fit-taxxa tal-boll għall-koppji li xtraw l-ewwel dar u qed twassal għal xejra pożittiva fis-settur tal-kostruzzjoni lejn ir-rijabilitazzjoni.
Mir-rapport joħroġ ukoll li naqas it-tniġġiż tal-arja partikolarment għax naqas il-kubrit:
“Dan ir-rapport ma jaqtalgħekx qalbek għaliex għalkemm jindika li għadna sfidi kbar, l-iktar minħabba l-popolazzjoni kbira li għandna fil-pajjiż, u l-investiment qawwi li ġej lejn il-pajjiż, jidher li l-isforzi li Malta qed tagħmel matul is-snin qed jagħti r-riżultat u r-rapport allura huwa pjuttost aktar pożittiv milli wieħed kien jistenna”.