Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li matul l-ewwel disa’ xhur tal-2016 reġa’ kien hemm tnaqqis fid-dipendenza soċjali.
Filwaqt li fit-tmiem l-ewwel sena ta’ din l-amministrazzjoni kien hemm 9,240 persuna li kienu jieħdu l-assistenza soċjali, tliet snin wara l-ammont ta’ nies dipendenti mill-assistenza soċjali naqas għal kważi 6,100.
Dan it-tnaqqis qawwi ta’ terz seħħ minħabba li pajjiżna qed ikollu tkabbir ekonomiku rekord, filwaqt li l-qgħad naqas għall-anqas livell mindu bdiet tinġabar l-istatistika.
Il-Ministeru għall-familja u s-solidarjetá soċjali spjega li l-andament pożittiv fis-suq tax-xogħol joħroġ ukoll mill-fatt li dawk li jieħdu l-benefiċċju għall-qgħad, kif ukoll assistenza speċjali għal nies qegħda, waqgħu għal 1,420 u 3,433 rispettivament.
Fl-2013 kien hemm 4,198 u 6,119 persuna li kienu jikkwalifikaw għal dawn il-benefiċċji, li jfisser li, fi tliet snin, dawk dipendenti fuq dawn il-benefiċċji naqsu b’ aktar minn nofs.
Fl-ewwel disa’ xhur tal-2016, kontra għal dak li kien iseħħ f’leġiżlaturi passati, l-ispiża fuq benefiċċji soċjali mhux kontributorji naqset. Fil-fatt l-ispiża fuq benefiċċji soċjali mhux kontributorji fl-2016 kienet €11 miljun, jew 7%, anqas milli kienet fl-istess żmien fl-ewwel sena ta’ din l-amministrazzjoni.
Grazzi għal dan it-titjib, din l-amministrazzjoni setgħet iddaħħal benefiċċji soċjali ġodda mingħajr ma żżid id-deficit. S’issa, fl-2016, hemm 1,783 persuna li gawdew mill-in-work benefit. Illum, kważi 2,800 persuna li qabel kienu fuq ir-reġistru tal-qgħad ħarġu jaħdmu u għadhom jirċievu parti mill-benefiċċju li kienu jieħdu qabel.
Il-Ministeru fisser kif f’dan il-budget il-Gvern kompla f’din it-triq billi ħabbar pakkett soċjali qawwi li ser iżid id-dħul ta’ dawk l-aktar fil-bżonn b’madwar €21 miljun permezz ta’ titjib fl-għajnuna supplimentari, pensjonijiet, benefiċċji aħjar għal dawk b’diżabbiltà, u għal carers.
22,000 pensjonant sejrin igawdu wkoll mit-tneħħija tat-tassazzjoni fuq l-ewwel €13,000 dħul minn pensjoni.
Il-galbu fit-tmexxija ekonomika jfisser li fis-snin li ġejjin aktar eluf ta’ persuni fil-bżonn se jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn biex jiksbu livell ta’ għajxien aħjar.