Statistika miġbura mill-Qrati Maltin tal-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena turi l-ammont ta’ ġurijiet pendenti naqas b’27% meta mqabbel ma’ ħames snin ilu u l-ammont ta’ appelli minn gurijiet pendenti naqas b’iktar min-nofs fl-istess perjodu.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici qal li dan it-titjib jirrifletti ruhu f’progress sostanzjali fejn tidħol l-hekk imsejħa Clearance Rate, kemm tal-Qorti li tisma’ l-ġurijiet (il-Qorti Kriminali) u kemm tal-Qorti li tisma’ l-appelli mill-ġurijiet (il-Qorti tal-Appell Kriminali Superjuri). Tant hu hekk li fiż-żewġ Qrati l-Clearance Rate turi li qed jiġu deċiżi tliet darbiet iktar kawżi milli jidħlu. Ħames snin ilu l-Clearance Rate tal-Qorti tal-Appell Kriminali Superjuri kienet biss ta’ 25%, li tfisser li kienet tiġi deċiża kawża waħda għal kull erbgħa li jidħlu.
Quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali Superjuri sa l-aħħar ta’ Marzu li għadda, l-appelli pendenti minn ġurijiet niżlu minn 61 għal 28 f’temp ta’ ħames snin. L-ammont ta’ ġurijiet pendenti niżlu minn 85 għal 62 fl-istess perjodu.
“Hemm seba’ ġurijiet li qed jistennew l-esitu ta’ kawżi Kostituzzjonali qabel ikunu jistgħu jitkomplew” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Huwa wera sodisfazzjon għal dan it-titjib fl-iktar proċeduri penali importanti li għandu dan il-pajjiż u rringrazzja lill-Ġudikatura, lill-ħaddiema tal-amministrazzjoni tal-Qorti, lill-prosekuturi, avukati u ġurati tal-ħidma li saret sabiex dan il-qasam ikompli jimxi ‘il quddiem. Saħaq li dawn ir-riżultati żgur ma jfissirx li ma fadalx iktar xogħol x’isir iżda jfisser li dan is-settur jinsab fid-direzzjoni t-tajba.
Huwa qal li matul din il-leġiżlatura saru sensiela sħiħa ta’ riformi fil-proċedura penali sabiex il-ġustizzja tiġi amministrata b’iktar ħeffa. Saħaq li l-Gvern se jkompli jżid l-enerġija tiegħu sabiex il-poplu jingħata l-aħjar servizz fil-qasam tal-Ġustizzja.