It-taqbid dwar il-ħlas tal-manteniment f’koppji li jisseparaw hi xi ħaġa li saret parti mill-ħajja ta’ kuljum għal ħafna familji u l-kunflitti ma jingħalqux mal-ftehim ta’ kuntratt ta’ separazzjoni. Ikun hemm individwi li snin wara li jkunu ffirmaw dan il-kuntratt jagħmlu talba biex jirreveduh. F’każ fejn din it-talba saret fejn raġel ra tnaqqis fis-salarju nett ta’ €12,000 fis-sena, il-Qorti qalet li dik mhix raġuni biżżejjed biex il-manteniment ikun rivedut.
Il-każ idur mal-ħajja ta’ surġent tal-pulizija li ssepara minn ma’ martu wara li nqabad jaqlibhielha diversi drabi. Bħala parti mill-kuntratt tas-separazzjoni s-surġent kien qabel li jħallas lill-martu manteniment ta’ €650 li €300 minnhom kienu ħlas għat-tifla u l-kumplament għall-mara.
Fil-Qorti s-surġent spjega kif bidla fuq ix-xogħol wasslet biex minn paga ta’ €28,000 f’idejh spiċċa jdaħħal €16,000. Fisser kif bħala security officer kien jaħdem sigħat twal u kien jitħallas rati iktar għolja u kien jieħu wkoll allowances speċjali. Eventwalment beda jaħdem bħala surġent fl-għassa tal-Belt u dawn l-opportunitajiet naqsu. Filwaqt li kien hemm ukoll ġimgħat fejn ma ħadimx minħabba intervent mediku. Qal li minkejja dan hu xorta baqa’ jħallas il-manteniment lill-martu u lit-tifla. Fejn fil-Qorti qal li ġieli qagħad nieqes hu biex jonora dan l-obbligu.
Iżda, imbagħad argumenta li issa ma jagħmilx iktar sens li jħallas dak l-ammont kull erba’ ġimgħat meta hu jaqbad paga netta ta’ €950 għall-istess perjodu. Qal ukoll bil-kundizzjoni tiegħu, li wara li għamel operazzjoni f’irkopptu, ma jistax joqgħod tant bilwieqfa u allura lanqas jista’ jagħmel xogħol iktar jew xogħol ieħor.
Il-mara wieġbet u ddubitat kemm is-salarju kien naqas daqshekk, anke jekk eventwalment din kienet xi ħaġa ppruvata. Żiedet li l-konsegwenzi tal-intervent kirurġiku li għamel żgur ma jwasslux biex ma jkunx jista’ jaħdem iktar. Fuq kollox il-mara nnotat kif ir-raġel baqa’ għaddej bl-istil ta’ ħajja u saħansitra aħjar. Dan inkluż li jmur diversi btajjel fosthom Pariġi u Spanja, l-Istati Uniti u l-Kanada. F’uħud minn dawn id-destinazzjonijiet mar iktar minn darba. Il-mara, deskritta fis-sentenza bħala mara tad-dar, fakkret li ż-żwieġ tkisser minħabba li r-raġel qalibhielha bosta drabi. U żiedet li minbarra l-manteniment hi għandha biss €90 benefiċċji soċjali.
Ir-raġel, li jħallas ukoll nofs l-ispejjez tal-edukazzjoni u l-mard ta’ bintu, qal li jkompli jħallas il-parti tat-tifla, iżda martu setgħet taħdem u tipprovdi għaliha hi. Għalkemm il-mara argumentat li l-kuntratt jgħid li anke jekk taħdem part-time hu rid jibqa’ jħallas il-manteniment. Il-manteniment jieqaf biss jekk terġa’ tiżżewweġ. Qalet ukoll li anke fix-xogħol il-ġdid baqa’ jagħmel l-overtime u li dejjem kien jagħmel xogħol ta’ uffiċċju fil-kumpanija fejn kien jaħdem missieru.
Meta ġiet biex tiddeċiedi l-Qorti qalet li jeħtieġ ikun eżaminat jekk kienx hemm bdil fiċ-ċirkostanzi u l-mezzi tar-raġel li jpoġġuh fl-impossibbiltà li jkompli jonora l-obbligu li ħa fil-kuntratt li jħallas il-manteniment lil martu sew għaliha kif ukoll għall-bint il-partijiet. Għax il-Qorti nnotat li għalkemm kien ipprovat li naqaslu d-dħul, skont il-kuntratt ma kienx dak li kellu jiddetermina jekk ikunx hemm bidla fir-rata ta’ manteniment imħallas.
Il-Qorti għamlet referenza lejn il-fatt li fis-sena meta beda l-kawża kellu dħul nett ta’ €16,000. U qalet li dwar dan kienet se tiddeċiedi. Fil-fehma tal-Qorti xi ħadd li għandu €16,00 f’idu jiflaħ ilħallas €650 fix-xahar u għalhekk ir-rata ta’ ma nbidlitx.