Fl-aħħar sitt xhur tas-sena li għaddiet l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, l-MCA, innutat tnaqqis fl-ilmenti li rċeviet.
Dan ħareġ propju minn ċifri uffiċjali fejn juru kif f’dan il-perjodu, meta mqabbel mas-sitt xhur ta’ qabel, l-ilmenti naqsu bi 23%.
L-istudju, li sar għax-xhur ta’ bejn Lulju u Diċembru tal-2021, juri kif l-Awtorità rċeviet ħamsa u tmenin ilment.
Minn dawn, 75% kienu fuq is-servizzi tal-komunikazzjoni elettroniċi bħal mobile, linja fissa, internet u televiżjoni, filwaqt li 25% kienu dwar is-servizzi postali.
L-MCA qalet kif 98% minn dawn l-ilmenti ngħalqu fi żmien 20 jum tax-xogħol.
L-Awtorità rċeviet ukoll mitejn u sitta u sebgħin (276) talba għall-informazzjoni dwar diversi kwistjonijiet relatati mas-settur regolat mill-Awtorità.
L-istatistika tal-ilmenti turi li l-kwalità tas-servizz tibqa’ l-aktar tip komuni ta’ ilmenti li tirċievi l-Awtorità, b’44 ilment irrappurtati.
L-iktar kwistjonijiet komuni relatati mal-kwalità tas-servizz kienu dwar customer care b’għoxrin ilment u ħsarat fis-servizz bi tnax-il ilment.
L-MCA irċeviet ukoll ilmenti oħra li kienu jinkludu kwistjonijiet bis-servizz tal-mobile waqt li konsumatur qiegħed barra minn Malta, dwar il-veloċità tal-internet, l-installazzjoni, dwar il-problemi bl-aċċessibbiltà tas-servizz u anke dwar top-up.
Kull kateogrija minn dawn kellha żewġ ilmenti.
Żewġ ilmenti oħra kienu dwar is-servizz tal-email u l-linja fil-mobile.
L-Awtorità tal-Komunikazzjoni rreġistrat ukoll ilmenti oħrajn li kienu dwar il-kontijiet, terminazzjoni tas-servizz jew tibdil fis-servizz, u kwistjonijiet kuntrattwali.
Min-naħa l-oħra l-MCA rreġistrat 21 ilment postali matul l-aħħar nofs tas-sena l-oħra.
Intant fi stqarrija l-Awtorità qalet li ġabet dawn il-każijiet għall-attenzjoni tal-fornituri tas-servizz sabiex ikunu jistgħu jinvestigaw aktar il-kwistjonijiet imqajma u jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni kif xieraq.