FʼĠunju li għadda, ir-rata annwali tal-inflazzjoni, kif imkejla mill-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, kienet taʼ 1.3 fil-mija, li jfisser li kien hemm tnaqqis mir-rata taʼ 1.5 fil-mija rreġistrata fix-xahar ta’ qabel, fʼMejju.
L-ogħla rati taʼ inflazzjoni fʼĠunju kienu rreġistrati għall-prodotti u servizzi oħrajn b’4.5 fil-mija u l-kura personali u s-saħħa b’4.1 fil-mija. Min-naħa l-oħra, l-aktar rati baxxi taʼ inflazzjoni annwali ġew irreġistrati għat-trasport u l-komunikazzjoni b’1.9 fil-mija taħt iż-żero u l-ħwejjeġ u ż-żraben b’0.1 fil-mija taħt iż-żero.
It-tnaqqis fl-inflazzjoni annwali kien rreġistrat partikolarment fl-indiċi tat-trasport u l-komunikazzjoni bi tnaqqis ta’ 0.41 punti perċentwali u fl-indiċi tal-ħwejjeġ u ż-żraben bi tnaqqis ta’ 0.01 punti perċentwali, l-aktar minħabba prezzijiet inqas tas-servizzi tal-mowbajl u fil-bejgħ taż-żraben, rispettivament.
L-akbar kontribut fl-inflazzjoni annwali kien l-indiċi tal-ikel, l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tat-take-aways b’żieda ta’ 0.58 punti perċentwali.
Wara ġiet innotata żieda fl-indiċi tal-kura personali u s-saħħa b’żieda ta’ 0.36 punti perċentwali u f’dak taʼ prodotti u servizzi oħrajn b’żieda ta’ 0.33 punti perċentwali, l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-prodotti tal-iġjene personali u prodotti tat-tindif, rispettivament.